Ġmiel il-Casino Notabile fir-Rabat
Ir-restawr tal-Casino Notabile fil-Pjazza tas-Saqqajja fir-Rabat wasal fil-fażi finali. Restawr li issa bl-interventi li saru fuq il-ġebla u fil-lavur fin li hemm f'din il-binja, qed joħroġ il-ġmiel arkitettoniku ta' din il-binja. Minn ġewwa ukoll saru interventi, fejn fi ftit żmien ieħor din il-binja għandha tibda ukoll titgawda mill-pubbliku fi proġett li hemm imħejji għaliha.Ix-xogħol ta’ restawr kien estensiv u saru kollha mir-Restoration Unit. Ix-xogħlijiet kienu kemm ta’ natura infrastrutturali, bħal introduzzjoni ta’ 'piles' tat-tafal fil-pedament u l-irbit tal-istess 'piles' ma’ xulxin biex b’hekk jissaħħah il-pedament, kif ukoll xogħol ta’ restawr tal-ġebla minn barra u minn ġewwa, flimkien ma’ bdil ta’ elementi ta’ kostruzzjoni u ta’ lavur li kienu deterjorati ħafna.
Il-Casino Notabile, li kien iddisinjat mill-Perit Webster Paulson, inbena fis-sena 1887 u l-għan tiegħu kien speċifikament għal dawk meqjusin bħala “tal-klassi għolja” li kienu jgħixu fir-Rabat u l-Imdina. Il-Casino Notabile kien mibni fuq għajn tal-ħasselin, li għadha hemm sal-lum, għalkemm l-ilma nixef. L-istorja tal-Casino Notabile tibda fi żmien l-Imperu Ingliż (1800), meta dak iż-żmien bdiet ukoll bidla fl-arkitettura. Kien iż-żmien li beda dieħel l-istil neoklassiku u strutturi Gotiċi. L-Imperu Ingliż ried li juri l-preżenza tiegħu f’Malta u dan anke billi jinbena bini f’dan l-istil. Wieħed minn dawn il-binjiet hu l-Casino Notabile fit-telgħa tas-Saqqajja, iddisinjat mill-Perit Webster Paulson.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home