L-adozzjonijiet jerġgħu jibdew jiżdiedu...imma jonqos biex nilħqu l-livelli ta' ftit snin ilu
Ilment komuni li tisma' minn koppji li jkunu fil-proċess li jadottaw tfal minn barra 'l pajjiż hu dak tad-dewmien. Ikun hemm min jgħidlek li jħoss li ma jafx fejn hu qiegħed u oħrajn jgħidulek li huma inċerti ta' jekk finalment hux se jaslu.- Dan is-sentiment issa ilu għal dawn l-aħħar erba' snin, billi
mis-sena 2012 'l hawn il-Kambodja u l-Etjopja għalqu l-adozzjonijiet u
b'hekk inħolqot problema ta' minn fejn se jadottaw il-Maltin. Minn dak
inhar 'l hawn kien hemm pajjiżi ġodda li minnhom bdew jadottaw il-Maltin
fosthom is-Slovakkja u l-Indja.
Wara li fis-sena 2013 u 2014 kien hemm ammont baxx ħafna ta' adozzjonijiet ta' 9 u 8 tfal rispettivament, matul is-sena 2015 dawn telgħu għal 26, 18-il tfal adottati minn pajjiżi barranin u 8 t'itfal adottati minn Malta stess. Għalkemm kien hemm żieda, dan l-ammont għadu ftit 'l bogħod biex jilħaq l-ammont ta' tfal adottati ftit tas-snin ilu, fejn fis-sena 2011 kienu adottati 55 tfal, fis-sena 2009 kienu adottati 40 u fis-sena 2008 kienu adottati 49 tfal.
Staqsejna lill-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali, Michael Farrugia, dwar l-ilmenti ta' ġenituri li qed jistennew. Hu qalilna li minn Malta il-proċeduri ma twalux imma baqgħu dawk li kienu. Spjega li l-koppja tkun trid tistenna mingħand il-pajjiż biex jgħidilhom li hemm tfal li jistgħu jadottaw u qal li dan jiddependi mill-pajjiż kemm idum. Spjega li Malta m'għandhiex kontroll fuq dan.
Mistoqsi dwar l-adozzjonijiet mir-Russja u l-problemi li hemm minn ċerti reġjuni, hu qalilna li l-adozzjonijiet mir-Russja komplew għaddejjin. Qal li l-Gvern Malti qed jaħdem biex ikun hemm ftehim mar-Russja u dan għandu jgħin ħafna f'dawk li huma adozzjonijiet mir-Russja.
F'konferenza stampa lbieraħ il-Ministru ħabbar li matul is-sena li għaddiet ġew adottati 26 tfal, 18 minn barra l-pajjiż u 8 minn Malta. Dawn adottati minn barra ammontaw għal każ wieħed mill-Albanija, erba' t'itfal mis-Slovakkj au 13 mir-Russja. Fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena kien hemm 16-il proċess.
Hu spjega li l-Gvern qed jipprova jiftaħ opportunitajiet ġodda għal min irid jadotta u dan billi għaddejjin diskussjonijiet mal-Bulgarija, Burkina Faso, l-Brażil, Ċili, l-Vjetnam u l-Kambodja. Qal li għaddejjin diskussjonijiet mal-Polonja u dan jinsab f'fażi finali. Anki dak tal-Vjetnam jinsab fil-viċin li jkun konkluż.
Il-prospetti li Maltin jadottaw mill-Kosovo issa jidher li waqgħu għal kollox u dan hekk kif il-Ministru iddikjara li fil-Kosovo għalkemm hemm ħafna tfal li jistgħu jiġu adottati iridu li dawn ikunu adottati fil-pajjiż stess.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home