Thursday, August 11, 2016


'Mhux aċċettabbli l-ħmieġ li qed ikun hemm f'Buġibba' - David Thake

Ir-rapporti kontinwi li xxandru f'inewsmalta.com u L-ORIZZONT dwar skart u ħmieġ li qed jikkaratterizzaw żoni f'Buġibba, wasslu biex finalment jikkummenta l-Viċi Sindku Nazzjonalista, David Thake. Huwa jistaqsi għalfejn qed ikun hemm b'mod kontinwu skart li jdum sigħat sħaħ fuq bankini f'żoni f'Buġibba. Jiddeskrivi dan bħala 'inaċċettabbli'. Mill-banda l-oħra, jgħid li xogħol il-kunsill hu li jamministra l-fondi.
Ta' min jgħid li fl-aħħar jiem kien hemm għadd kbir ta' persuni barranin li jgħixu f'Buġibba u San Pawl il-Baħar li lmentaw dwar iż-żieda fi skart mormi barra u jidher li kien hemm anke min kiteb lill-kunsill lokali direttament.
F'messaġġ li ħareġ David Thake, huwa ddikjara li xogħol il-kunsill hu dak li jamministra l-fondi. Hu qal li, "Dan l-aħħar ftit ġranet saret xi ħaġa ta' spiss li tara xi gazzetti jew blogs li jappartjenu l-gvern Laburista jew il-gvern li jattakkaw il-kunsill dwar ħmieġ u nuqqas ta' ndafa fil-lokalità. Ovvjament għax issa hemm kunsill ikkontrollat b'maġġoranza Nazzjonalista. Tajjeb li wieħed iħares lejn dak li qed jiġri u jindirizza x'inhu mar-realtajiet li qed jiġru.
"Kull lokalità, indipendentament mill-kunsill li jmexxiha, fl-aħħar mill-aħħar jekk ir-resident jħammeġ ir-responsabiltà tal-kunsill x'inhi? Il-kunsill qiegħed hemm biex jamministra l-fondi pubbliċi fl-aħjar interess tal-lokalità. Il-kunsill waħda mir-responsabbiltajiet tiegħu hi li jara li jkun hemm servizz ta' ġbir ta' skart u li jilħaq mal-aspetattiva tal-lokalità.
"Il-kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar dan qed jagħmlu? Fl-opinjoni tiegħi iva. Allura l-ħmieġ li hemm San Pawl il-Baħar għalfejn? Ir-risposta hi loġika. Jekk persuna jaf li l-ġbir ta' l-iskart isir filgħodu u jekk joħroġ iż-żibel wara li jkun għadda t-trakk dak se jibqa' hemm sa filgħodu. Ovvjament mhux aċċettabbli. L-infurzar f'idejn min hu? F'idejn il-pulizija u gwardjani ambjentali. Il-kunsill m'għandux kontroll fuq dawn. Jien bħala Viċi Sindku m'għandi ebda awtorità li nħarrek lil xi ħadd. Kunsill x'jista' jagħmel? Jista' jagħmel appell lill-Pulizija u l-gwardjani? Dan il-kunsill għamlu.
"Għalfejn għandek kunsillieri tal-Partit Laburista li qed jattakkaw il-kunsill fuq nuqqas ta' ndafa? Jekk xi ħadd mill-kunsill għandu ideat jew proposti dwar l-indafa, ikun interessanti li jressaqhom. Sa fejn naf jien sa issa l-ebda persuna ma ressaq xi proposti u l-kunsill injorahom. Fondi biex isiru kameras m'hemmx. Fondi biex inħallsu għall-gwardjani m'hemmx. Niddependu biss fuq il-Gvern ċentrali. Il-gvern ċentrali irid jerfa' r-responsabbiltà tiegħu u jgħid, 'Isma r-responsabbiltà tal-infurzar hi tiegħi u qed nonqos mill-infurzar.' Mhux sewwa li jipponta swaba' lejn il-kunsill. Il-kunsill qiegħed hemm biex iħaddem il-flus.
"Nappellaw lir-residenti kollha biex kemm jista' jkun iżommu ma' dak rikjest minnhom. Żommu mal-ħin. Però li tara ripetutament lin-nies joħorġu l-iskart eżatt kif jgħaddi l-ġbir tal-iskart, dan mhux xejn ħlief nuqqas ta' edukazzjoni u nuqqas ta' rispett. L-appell tiegħi hu li din hi l-lokalità tagħna. Ejja nuru solidarjetà ma' xulxin. Anki s-settur tan-negozju għandu parti importanti. Kemm naraw ristoranti u postijiet tad-divertiment li joħorġu l-iskart tagħhom fl-agħar ħin. Kemm dawn qed jagħtu kas? Irridu niġbdu ħabel wieħed."

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home