"Rebbiħin xorta"..."messaġġ lid-dinja li m'għandekx taqta' qalbek"
- refuġjati f'Malta dwar it-tim Olimpiku tar-refuġjati
"Yusra m'għandekx bżonn midalji. Inti rbaħt id-deheb mhux f'midalji imma fil-messaġġ tiegħek li turi li r-refuġjati huma umani bħal kull wieħed u waħda minnha, li għandhom ukoll il-ħolm tagħhom". Dan hu l-kumment li għaddielna Berhane, persuna mill-Eritrea li tgħix f'Malta dwar il-parteċipazzjoni ta' Yusra Mardini u disa' refuġjati fl-olimpjadi f'Rio di Janeiro fil-Brażil. Sena ilu Yusra kienet qed tgħum u tmexxi dgħajsa f'tentattiv biex ma tegħriqx meta hi flimkien ma' oħrajn ħarbu mill-gwerra fis-Sirja. Għal Umayma Elamin, li tmexxi organizazzjoni ta' nisa migranti f'Malta, "is-suċċess ta' Yusra hu fil-messaġġ li hi qed twassal lid-dinja - dak li ma tridx iċċedi u tibqa' tiġri biex twettaq il-ħolm tiegħek".
L-ORIZZONT tkellem ma' diversi refuġjati u immigranti f'pajjiżna dwar il-parteċipazzjoni ta' tim ta' refuġjati fl-Olimpjadi. Kienu diversi dawk b'mod partikolari persuni Sirjani li segwew b'interess il-parteċipazzjoni ta' Yusra. Berhane meta tkellem ma' L-ORIZZONT qalilna li "dan it-tim ta' refuġjati, diġa hu suċċess li pparteċipa. Dawn qed iwasslu messaġġ wieħed - dak li l-immigranti u r-refuġjati huma umani. Aħna kollha kellna l-ħolm tagħna. Min irnexxielu jibda ħajja ġdida fl-Ewropa u oħrajn għaqdhom maqbudin f'kampijiet jew għaddejjin bil-vjaġġ. Oħrajn jinsabu f'ċirkostanzi li mhux qed jaraw futur f'ċerti pajjiżi Ewropej. Yusra uriet li minkejja kollox u minkejja li xhur ilu kienet qed tgħum biex taħrab minn pajjiżha, ma qatgħetx qalbha u l-ħolma tagħha saret realtà".
Umayma Elamin mill-Assoċjazzjoni tan-Nisa Migranti f'Malta, meta kuntattjata minn L-ORIZZONT qaltilna li "miniex qed insegwi ħafna l-logħob tal-Olimpjadi. Imma naħseb li dawn ir-refuġjati kien jistħoqqilhom din l-opportunità li jikkompetu fl-Olimpjadi. L-istatus tagħhom jew is-sitwazzjoni tagħhom m'għandhiex iċċaħħadhom minn din l-opportunità. Is-suċċess tagħhom hu l-messaġġ lid-dinja li huma mhux se jaqtgħu qalbhom minkejja dak li għaddew minnu".
Hussein li hu Sirjan, ma naqasx li juri l-entużjażmu tiegħu għall-fatt li Mardini rebħet waħda mis-sezzjonijiet tagħha għalkemm m'għaddietx għas-semi finali. "Naħseb li s-Sirjani li qed isegwu l-Olimpjadi qed jappoġġjawha bil-kbir. L-istorja tagħha hi ta' ispirazzjoni kbira. Telqet lil familtha u rnexxielha tasal il-Ġermanja. Għalina li tlaqna min pajjiżna, nħossuna kburin b'dawn l-atleti. Il-fatt li qegħdin hemm diġa hu biżżejjed". Nitkellmu ukoll ma' Paul, immigrant Afrikan li kien daħal f'Malta snin ilu u llum jinsab l-Istati Uniti. Jgħidilna li "dan it-tim nidentifika ruħi ħafna. Aktar mill-atleti ta' pajjiżi. Fih nara persuni li kellhom l-istess problemi li kelli jien. Nara li dawn kienu nies li kellhom l-istess ħolm tiegħi. Nara lilhom u niftakar li hemm eluf ta' persuni f'kampijiet ta' refuġjati f'Kakuma u Dadaab. Dawn huma nies li għadhom qed joħolmu għal futur aħjar".
Selam tgħidilna li "kburija b'dawn l-atleti. Għalija huma eroj. Ħasra li forsi ftit li xejn ingħataw attenzjoni f'pajjiżna. Lil hinn mill-isport għandhom messaġġ uman u ta' tama xi jwasslu". Irid jingħad li għall-ewwel darba sa mis-sena 1896 mindu bdew jiġu organizzati l-olimpjadi, ġie organizzat tim ta' atleti li kellhom jitilqu jew jaħarbu minħabba ċirkostanzi ta' gwerer jew persekuzzjoni f'pajjiżhom. Dawn huma atleti bla pajjiż, bla bandiera u bla innu nazzjonali. Xi wħud kellhom jinfirdu mill-familji tagħhom. Xi wħud iffaċċjaw gwerer, u anke kienu tfal suldati. Xi wħud kienu maqfulin u anke tħallew bil-ġuħ minħabba li ma rebħux kompetizzjonijiet. Yusra Mardini hi Sirjana ta' 18-il sena u sena ilu kienet spiċċat tgħum ma' dinghi biex ma jegħriqx, bl-għan li hi u immigranti oħra Sirjani jaslu fl-Ewropa. Għamet għal xejn inqas minn tlett sigħat. Yusra hi waħda minn għaxar atleti li intgħażlu biex jieħdu sehem fl-Olimpjadi. Dan it-tim ta' refuġjati qed jikkompeti taħt il-bandiera tal-Olimpjadi. Fi kliem Yusra, hi qed tara li l-parteċipazzjoni tagħha fl-Olimpjadi tispira lil dawk li għadhom fis-Sirja biex ma jaqtgħux qalbhom. F'kummenti li tat lill-ġurnalisti f'Rio hi qalet li "irrid li kulħadd jaħseb fil-ħolm tiegħu. Dan għax ikun hemm persuni li minħabba dak li jkunu għaddejjin minnhom jinsew il-ħolm li jkollhom". Yusra kienet bdiet tgħum ta' tlett snin u bdiet titħarreġ ftit wara li faqqgħet il-gwerra fis-Sirja. Il-faċilità fejn kienet titħarreġ tkissret bil-bombi. Meta s-sitwazzjoni kompliet sejra għall-agħar, hi rrealizzat li l-uniku tama li kien fadlilha kienet dik li taħrab mill-pajjiż. Hi kienet iddikjarat li "jista' jkun li kont se nmut fil-vjaġġ, imma hemmhekk jien kont kważi mejta. Ma stajtx nissapporti aktar". F'Awwissu li għadda hi u oħtha ħallew il-familja u telqu fuq vjaġġ perikoluż ta' 25 ġurnata mis-Sirja lejn il-Ġermanja. F'nofs il-vjaġġ sabet ruħha fuq dinghi b'19-il persuna fuqu. Wara nofsiegħa li telqu mit-Turkija dan beda jagħmel l-ilma u l-mutur waqaf. Yusra, flimkien ma' oħtha u żewġ għawwiema oħra qabżu l-baħar u bdew jimbuttaw id-dinghi lejn il-gżira ta' Lesbos. Iż-żewġ għawwiema irġiel għajjew u ma setgħux ikomplu jimbuttaw, iżda Yusra u oħtha komplew. Finalment kollha ġew salvati. Yusra irnexxielha tasal sa Berlin fil-Ġermanja fejn bdiet tgħix f'kamp tar-refuġjati.
Laqqgħawha mal-kowċ Sven Spannerkrebs u dan kien impressjonat bil-kwalitajiet tagħha u beda jħarriġha. L-għan tagħha kien li tikkompeti fl-Olimpjadi ta' Tokjo fis-sena 2020, iżda mbagħad ħabta u sabta ingħatat l-opportunità li tieħu sehem fl-Olimpjadi ta' Rio. L-atleti huma Rami Anis għawwiem ta' 25 sena mis-Sirja, Yolande Mabika ta' 28 sena mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Paulo Amotun Lokoro ta' 24 sena minn nofsinhar tas-Sudan, Yiech Pur Biel ta' 21 sena mis-Sudan, Rose Nathike Lokonyen ta' 23 sena mis-Sudan, Popole Misenga ta' 24 sena mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Yonas Kinde ta' 36 sena mill-Etjopja, Anjelina Nadai Lohalith mis-Sudan u James Nyang Ghiengjiek mis-Sudan.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home