Monday, August 8, 2016

'Buġibba mill-ħażin għall-agħar f'dik li hi ndafa'

Fl-aħħar jiem is-sitwazzjoni f'dik li hi indafa f'Buġibba kompliet sejra mill-ħażin għall-agħar. Bil-kunsill lokali jilmenta li għandu bżonn aktar fondi waqt li l-Gvern Ċentrali jenfasizza li qed isir tindif minnu fiż-żoni ewlenin u li l-bqija hu responsabbilità tal-kunsill lokali, is-sitwazzjoni f'dan il-post jidher li marret għall-agħar tant li huma diversi dawk il-barranin li jgħixu hemm li qed jilmentaw minn din is-sitwazzjoni.


Tkellem magħna Stephen Avalyan, resident mir-Renju Unit li ilu żmien jgħix fiż-żona u hu involut sew fit-turiżmu. Fi kliemu stess, "Hawn ħafna bħali li jridu jnaddfu t-toroq li jgħixu fihom. Hemm bżonn kampanji nazzjonali fl-iskejjel u fuq il-mezzi tax-xandir. Ilni ngħix hawn 28 sena. Buġibba hi diżastru. Daqt isiru l-istess San Pawl il-Baħar u l-Qawra. Hawn wisq barranin u dan qed jagħmilha diffiċli ħafna biex il-post jinżamm nadif."

Fl-aħħar jiem f'diversi toroq ta' Buġibba wieħed seta' jara għadd ta' oġġetti kbar li kienu mormijin fuq il-bankini li jvarjaw minn saqqu sa televiżjoni u skart ieħor. Quddiem din is-sitwazzjoni li qed tkompli teskala, huma diversi dawk ir-residenti li qegħdin iqajmu għadd ta' mistoqsijiet. Fost dawn hemm barranin li jgħixu fiż-żona.


Stephen Avalyan qalilna li, "Jien konvint li hemm ħafna bħali li b'mod iddisprat  ippruvaw iżommu it-toroq  ta' fejn ngħixu nodfa. Biss hawn nies li mhux jagħtu każ u dawn jaħsbu li t-tindif u tneħħija ta' l-iskart hu responsabbilità ta' ħaddieħor. Għandna bżonn kampanji nazzjonali fl-iskejjel u fil-medja biex ninkoraġixxu l-indafa u nkunu kburin bit-toroq tagħna.  Jien qattajt ħafna snin ngħallem lill-ġirien tiegħi fuq l-indafa. Imma l-influss ta' barranin li rajna fl-aħħar snin, ibda mir-Rumeni, Serbi, persuni Għarab u anke immigranti Afrikani, qed jagħmilha diffiċli ħafna li l-post jinżamm nadif.  

Ninkoraġġixxi li forsi kull barrani li jidħol f'Malta jingħata fuljett ta' x'jista' jagħmel u x'ma jistax jagħmel meta jibda jgħix hawn."

Spjega kif hu għamel snin sħaħ inaddaf it-triq u jagħmel li jista' biex jeduka lill-ġirien dwar x'ħin għandu jinħareġ l-iskart. Qal li maż-żmien kien hemm titjib imma fadal żewġ sfidi fosthom dik li n-nies jitfgħu fliexken u l-pakkett tas-sigaretti barra. Qal ukoll li problema oħra hi tfal tal-iskola li jarmu l-affarijiet hekk kif jinżlu mill-karozzi tal-linja. Ilmenta wkoll dwar ħmieġ tal-klieb fuq il-bankini.
Min-naħa tiegħu, il-Kunsillier Laburista Alfred Grima wkoll jiddeskrivi s-sitwazzjoni f'San Pawl il-Baħar bħala li sejra mil-ħażin għall-agħar.  Hu qal li r-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista qed jippruvaw jgħattu l-falliment tagħhom billi jitfgħu t-tort fuq il-gvern ċentrali.  Qal li dawn iridu aktar fondi, meta skond hu l-kunsill m'għamel xejn għall-indafa f'14-il xahar.



Enfasizza li, "Il-kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar u l-Kunsill Amministrattiv ta' Burmarrad għas-sena 2016 kellhom allokazzjoni ta' €1,311,142 u €82,783 rispettivament. Dan ifisser li l-kunsill għandu €147,242 aktar minn dak li kien jingħata mill-gvern preċedenti."

Is-Sindku Graziella Galea kienet qaltilna li, "Nemmen li l-Gvern Ċentrali, li taħtu jaqa’ kompletament l-infurzar, għandu joffri ħafna iktar servizzi f’dan is-sens, sabiex min qiegħed iħammeġ, probabbli intenzjonalment, jingħata ċ-ċitazzjoni li ħaqqu. Iżda jidher li l-infurzar fir-rigward tal-ambjent hu prattikament ineżistenti, forsi biex ċerti kunsilli lokali jingħataw immaġini li fil-fatt mhux minnha. Ħaġa tal-iskantament kif meta tqabbdu l-gwardjani sabiex jagħmlu sorveljanza f’żona li kienet tkun kontinwament, f’kull ħin, abbużata permezz ta’ rimi ta’ skart u oġġetti ma nqabad ħadd! Dawk li jibqgħu jħammġu nispera li jifhmu li dak li qed jagħmlu qed ikun ta' dannu għalihom ukoll, u nappella lil kull min jara nies li qed jiksru l-liġi biex jgħinu wkoll billi jirrapportaw u possibbilment jipprovdu ritratti ta' min ikun qed jagħmel hekk, biex ikunu jistgħu jittieħdu l-passi neċessarji fil-konfront ta' min ikun qiegħed jabbuża. Bħala kunsill ser nibqgħu nagħmlu ħilitna kollha sabiex meta nirċievu rapport dwar abbużi f’dan is-sens, dawk li qed jibqgħu jħammġu jinqabdu u jiġu pproċessati."



Kienet enfasizzat li, "Nemmen li jista’ jkollna riżultat aħjar jekk fil-fatt isir sforz kollettiv, ‘il bogħod minn skopijiet politiċi, u mhux billi wieħed iwaħħal f’ħaddieħor, speċjalment jekk dan ma jkunx minnu. Minbarra hekk, minkejja kollox irrid nirringrazzja wkoll lil dawk kollha li jikkollaboraw mal-Kunsill sabiex tinżamm l-indafa fil-lokalità, jgħinu biex il-post jinżamm nadif, u lil dawk li jagħmlu ħilithom kollha biex josservaw ir-regoli tal-ġbir tal-iskart."


0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home