"Il-pedestall li qatt ma fittixt...imma li jixraqlek"
'Kienet għafsa ta' qalb nisimgħu bi statwi titulari li jittieħdu għar-restawr, meta aħna d-dilettanti konna nafu li l-pedestall ta' l-istatwa ta' San Pietru - it-titular ta' Birżebbuġa kienet fi stat ħażin ħafna". 'Tentattivi kien hemm fil-passat u konna kważi wasalna 10 snin ilu. Imma inqalgħu ċirkostanzi fejn il-benefattur li kien se jħallas ix-xogħol irtira. Kienet ħasra u kellna nistennew 10 snin oħra, imma issa l-pedestall sar". "Inħarsu l-quddiem għar-restawr tal-vara. Illum San Pietru għandu l-pedestall indurat - xi ħaġa li qatt ma fittex imma li żgur tixraqlu".
Dawn kienu kummenti li għaddewlna dilettanti tal-festa f'Birżebbuġa, fejn din is-sena il-festa għandha sinifikat akbar bl-inawgurazzjoni tal-induratura b'deheb 24 karat tal-pedestall tal-istatwa titulari. Ir-restawr jidħol fit-tieni fażi hekk kif tgħaddi l-festa. Fost id-dilettanti f'Birżebbuġa kien hemm sens ta' sodisfazzjon li issa fl-aħħar u wara ħafna taqtiegħ il-qalb, dan il-proġett inbeda u tlestiet l-ewwel fażi tiegħu. Ta' min jgħid li l-vara titulari ta' San Pietru f'Birżebbuġa nħadmet fl-injam fl-1958 minn Ferdinand Stuflesser f'Bolzano l-italja. Waslet f'Birżebbuġa eżatt qabel il-festa titulari tas-sena 1959 u daħlet għall-ewwel darba fil-knisja parrokkjali nhar il-Ġimgħa 31 ta' Lulju.
Fl-1974, il-vara kienet ġiet indurata minn Pawlu Xuereb, wara li l-iskultur Ċensu Apap kien għamel modifiki fil-mantell tagħha. Minn dak iż-żmien sa llum ma sar l-ebda intervent ieħor fuq din il-vara. Ftit snin ilu kien beda jinħass il-bżonn li jsir intervent ieħor u dan biex il-vara tiġi ikkonservata, l-aktar il-pedestall li kienu għadu qatt ma sar intervent fuqu. Fi żmien il-Kappillan Dun Nikola Pace, kien hemm diversi tentattivi biex dan ir-restawr isir, l-aktar fis-sena 2006 meta kien hemm benefattur partikolari li kien wera x-xewqa li jirrestawra l-pedestall. Għalhekk kienu inbdew il-preparamenti meħtieġa biex isir dan ix-xogħol, biss fuq deċiżjoni personali ta' dan il-benefattur ix-xogħol kellu jieqaf.
Fis-sena 2013, il-kappillan preżenti l-Kanonku Anton Galea Scannura meta ra id-diversi stimi li kienu inġabru fis-snin ta' qabel, iddeċieda li l-vara għandha tiġi restawrata, l-aktar minħabba l-istat prekarju li kien jinsab fih il-pedestall. Għalhekk kien ġie deċiż li dan il-proġett jinqasam f'żewġ partijiet, l-ewwel isir il-pedestall imbagħad il-vara. F'Mejju tas-sena 2014, kien sar ir-rikors li ġie milqugħ mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi f'Novembru ta' wara. Dan ix-xogħol sar mill-induratur John Orlando ta' Ħal Tarxien u inbeda eżatt wara l-festa li għaddiet. Dan ħa kważi sena sħiħa biex ġie konkluż. Kif beda jinqala' id-deheb l-antik instab li l-ġibs kien kważi ineżistenti u għalhekk dan il-pedestall kellu jinġab fuq l-injam u jingħata l-ġibs mill-ġdid.
Wara l-pedestall ġie indurat kollu bid-deheb 24 garat fejn hawn l-induratur kellu sfida kbira quddiemu minħabba li l-iskultura kollha ta' dan il-pedestallma tinqalax imma hi skolpita minnu nnifsu. Il-ġbir sar minn fost il-parruċċani fejn diversi benefatturi taw l-għotjiet tagħhom biex inġabret is-somma meħtieġa. Il-pedestall wasal lura nhar il-Ħamis 28 ta' Lulju fejn saret l-inawgurazzjoni fi knisja imballata bin-nies. Wara l-festa ta' din is-sena se tinbeda t-tieni parti ta' dan ir-restawr fuq il-vara titulari. Din se tiġi imnaddfa biex tikkumplimenta mal-pedestall.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home