Binja storika ta' difiża b'theddida li tinqered darba għal dejjem
Ħafna ma jindunawx li dik hi binja storika. Forsi mal-ewwel daqqa t'għajn li tagħti taħsibha struttura agrikola. Ma tkunx żbaljat sa barra. Dan għax min bena din l-istruttura, bnieha fuq il-bini tradizzjonali rurali ta' pajjiżna u dan biex ma tagħtix fil-għajn fil-gwerra. Imma din il-binja storika, li kienet parti integrali mid-difiża ta' pajjiżna, illum tinsab b'theddida fuq rasha. Dan għax feġġet applikazzjoni ta' żvilupp li jekk tkun approvata din il-binja se tgħib darba għal dejjem minn pajjiżna.Il-binja storiku li tinsab b'mannara fuq rasha hija binja ta' fortifikazzjoni f'San Ġwann. Fi kliem persuni li għandhom għal qalbhom il-wirt storiku, jekk l-iżvilupp propost iseħħ, pajjiżna se jkun tilef parti oħra mill-wirt storiku tiegħu.L-applikazzjoni ta' żvilupp li għadha kif ġiet sottomessa riċentament, qed tqajjem rabja fost dawk li għandhom għal qalbhom il-wirt storiku. Immedjatament il-Fondazzjoni Wirt Artna oġġezzjonat mal-Awtorità tal-Ippjanar. Ray Bondin, espert fil-wirt storiku ta' pajjiżna jikkummenta li din l-istruttura għandha tinżamm.
Inewsmalta.com għandu f'idejh l-oġġezzjoni li qed jagħmlu l-Fondazzjoni Wirt Artna, f'liema oġġezzjoni qed jgħidu b'mod ċar li, "Din l-istruttura għandha tkun miżmuma u mhux imwaqqgħa."
Hi tgħid ukoll li, "Din il-binja hi ta' valur storiku u ta' importanza arkitettonika. Din inbniet fil-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija biex tiddefendi lill-gżira mit-theddida ta' attakki bl-ajru. Din il-fortifikazzjoni tifforma parti mit-tielet linja ta' difiża li kienet ġiet ippjanata għal Malta. Din l-istruttura ġiet iddisinjata biex taġixxi waħedha f'każ ta' invażjoni. Illum ftit fadal strutturi ta' dan it-tip u din l-istruttura hi waħda mill-aħjar eżempji li għandna."
Il-binja tikkonsisti f'binja rettangolari fis-sular ta' isfel fejn m'hemm ebda twieqi. Imbagħad hemm turretta f'wieħed mit-truf tal-binja. Fit-turretta hemm xquq mad-dawra kollha.
Jidher li oriġinarjament inbnew madwar 200 struttura minn dawn. Ħafna minnhom spiċċaw inqerdu maż-żmien. Hu kkalkulat li fadal inqas minn 100 struttura minnhom.
L-istruttura tinsab fi Triq Emvin Cremona u l-proposta ta' żvilupp tikkonsisti fil-bini ta' sitt garaxxijiet taħt l-art, żewġ maisonettes u seba' appartamenti fuqhom.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home