Friday, July 29, 2016

'Miraklu li l-port ħieles
jisparixxi jidher li mhix se sseħħ'


"Il-miraklu li l-Port Ħieles jisparixxi jidher li mhix se sseħħ".  Din id-dikjarazzjoni saret mill-inġinier u Kunsillier Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa, Stanley Zammit, waqt diskussjoni fuq mozzjoni mressqa mis-Sindku Kevin Barun. Il-mozzjoni ġiet approvata b'4 voti favur u 2 kontra u din ikkundannat il-proposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fejn dan kien iddikjara li l-Port Ħieles għandu jkun estiż. Fil-laqgħa issemma' kif kien hemm rabja għad-dikjarazzjoni li għamel il-Ħadd Simon Busuttil meta qal li hu xxukkjat bid-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat, liema dikjarazzjoni kienet tgħid li l-port ħieles m'għandux ikun estiż f'aktar art f'Birżebbuġa. Mil-laqgħa kien hemm nieqed il-Viċi Sindku minħabba li jinsab indispost.
F'laqgħa li saret ilbieraħ deher biċ-ċar li l-kunsillieri Nazzjonalisti fil-kunsill ta' Birżebbuġa, Hermann Schiavone u Stanley Zammit dehru skomdi jitkellmu fuq id-dikjarazzjoni ta' Simon Busuttil. Zammit deher aktar skomdu minn Schiavone fejn f'ħin minnhom iddikjara li wieħed irid jara kif jagħmel biex iġib il-port ħieles b'kuxjenza akbar lejn ir-residenti. Schiavone min naħa tiegħu beda jargumenta li wieħed irid jara x'ried ifisser il-Kap tal-Oppożizzjoni u qal li l-fatt li jkun estiż il-Port Ħieles ma jfissirx li dan se jkabbar fuq art barra l-iżvilupp. Hu kkritika l-mozzjoni tas-Sindku u qal li din fiha fatti skorretti fosthom dik li l-port ħieles ikun estiż f'art li hi barra mill-iżvilupp.  Hu qal li l-operat tal-port ħieles jista' jkompli jikber mingħajr ma tintuża aktar art.
Hu ressaq kontro mozzjoni, li fiha daħħal il-kwistjoni tat-tanker tal-gass proviżorju li se jintuża biex jissupplixxi l-gass lill-impjant f'Delimara u b'hekk jispiċċa l-użu tal-Heavy Fuel Oil .
Il-mozzjoni approvata tgħid li "fid-dawl tal-iżviluppi riċenti bid-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li ma jaqbilx ma' aktar żvilupp f'art tal-Freeport, u fid-dawl ukoll li l-Kap tal-Oppożizzjoni ddikjara ruħu favur aktar żvilupp ta' art tal-Freeport, dan il-kunsill lokali qed jirrisolvi li: jirringrazzja f'isem ir-residenti kollha ta' Birżebbuġa lill-Prim Ministru u lill-Gvern tal-impenn li ma jippermettix żvilupp ikbar li jimpatta l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.  Jifhem ir-realtajiet tar-residenti u l-familji ta' Birżebbuġa li diġà huma vittmi ta' inkonvenjent, tniġġis u ħsejjes ta' kuljum mill-Freeport u ċertament ma jifilħux li dan ikompli jiżdied. Jappella lill-għaqdiet non governattivi sabiex jingħaqdu mar-residenti ta' Birżebbuġa biex jappoġġjaw il-pożizzjoni tal-kunsill lokali favur l-ambjent ta' Birżebbuġa u  jikkundanna l-proposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni li jrid li jikber id-daqs tal-Freeport b'impatt aktar negattiv fuq ir-residenti kollha ta' Birżebbuġa, inkluż fuq art ODZ li tant hija nieqsa fin-naħat ta' Birżebbuġa.”
Wara li żżeffen it-tanker tal-gass…..Franco
Debono jirreaġixxi u jgħid li 'dan hu r-rigal tal-PN'

Wara li fl-argumentazzjoni tiegħu l-Kunsillier Nazzjonalista f'Birżebbuġa Hermann Schiavone beda jsemmi t-tanker tal-gass li se jkun stazzjonat fil-port ta' Marsaxlokk u anke semma' dan f'kontro mozzjoni li ressaq, irreaġixxa għal dan l-eks Deputat Parlamentari Franco Debono.
F'kumment li kiteb fis-sit soċjali tiegħu qal li "wara 25  ta' traskuraġni u nuqqas ta' strateġija fl-enerġija l-Partit Nazzjonalista qed jaħseb li qed jagħmel xi opra jikkritika t-tanker tal-gass proviżorju. X'kellu jagħmel Gvern Laburista - jibqa' juża' l-HFO jew l-faħam ladarba lanqas l-impjant tal-enerġija tal-Marsa ma ngħalaq f'25 sena? It-tanker huwa r-rigal tal-Partit Nazzjonalista lill-inħawi ta' Birżebbuġa u Marsaxlokk.  Rigal mgeżwer ġo 25 sena ta' traskuraġni u nuqqas ta' pjanar serju fil-qasam tal-enerġija fejn qatt ma sar assolutament xejn biex pajjiżna jkollu infrastruttura għall-gass. Meta nara t-tanker jien niftakar fit-traskuraġni u inkompetenza tal-Partit Nazzjonalista li f'25 sena lanqas rnexxxielu la jagħlaq l-impjant tal-enerġija tal-Marsa u lanqas iħallas ċenteżmu mill-impjant tal-enerġija ta' Delimara, aħseb u ara kemm iħejji għal-infrastruttura tal-gass"
Hu qal ukoll li "wara snin ikunu kkastigati u maħqurin inġustament ir-residenti ta' Birżebbuġa u Marsaxlokk sabu min jistmahom u min jagħtihom d-dinjità li jixirqilhom. Nieħu gost nisma' dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru li juru għaqal u s-sens ta' bilanċ bejn d-drittijiet tar-residenti u rispett lejn l-ambjent fuq naħa waħda u l-ħtiġijiet industrijali fuq n-naħa l-oħra. Wara ħames snin nitkellem fil-Parlament dwar dan kollu bħala deputata tal-Ħames Distrett, inħoss sens kbir ta' apprezzament lejn l-Gvern Laburista li qed jimplimenta din l-viżjoni li jien ħlomt u tkellimt dwarha fil-Parlament, flimkien ma' oħrajn. Jiddispjaċini ħlejt ħafna ħin nitkellem ma' min ma riedx jisma', nagħmel proposti li illum qed jitwettqu, u allura kienu validi, iżda li l-amministrazzjoni Nazzjonalista preċedenti mhux biss ma tatx każ iżda talli pruvat tiskreditani. Dan falla u ġab riżultati katastrofiċi fuq min orkestraha".
Il-Partit Laburista ma jridx li l-familji ta’ Birżebbuġa
jkunu jafu l-impatt li se jħalli fuqhom it-tanker tal-gass


Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija li ħareġ qal li "f’laqgħa tal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa llum, il-Kunsillieri tal-Partit Laburista vvutaw kontra mozzjoni li kienet tinsisti mal-Gvern biex jispjega x’se jkunu l-impatti li t-tanker tal-gass li se jpoġġi Joseph Muscat ftit kilometri biss ‘il bogħod minn fejn jgħixu. Il-Kunsillieri tal-Partit Laburista - ċarament imqabbdin direttament minn Joseph Muscat - iddefendew ir-“rigal” li Muscat se jkun qed jagħti lill-familji ta’ Birżebbuġa - tanker tal-gass li hu ta’ periklu kbir għall-familji u n-negozji f’Birżebbuġa."
Tenna li "minflok, il-kunsillieri tal-Partit Laburista gidbu dwar dikjarazzjonijiet tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Il-Partit Nazzjonalista huwa favur tkabbir fl-operat tal-Freeport u dan biex jiżdiedu l-impjiegi b’pagi tajbin li jgawdu minnhom ukoll ir-residenti ta’ Birżebbuġa. Hija gidba li l-Partit Nazzjonalista għamel xi proposta biex issir estensjoni tal-Freeport fuq żona ODZ. Joseph Muscat huwa tant maqtugħ mir-realtà tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin, li issa fetaħ attakk dirett ukoll fuq il-ħaddiema li ta’ kuljum, jiddedikaw l-enerġija kollha tagħhom biex is-settur tal-loġistika u d-distribuzzjoni f’pajjiżna jkompli jikber."
Tennew li "minkejja l-gideb tal-Partit Laburista, l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem biex l-ekonomija ta’ pajjiżna ma tkunx biss dik tal-klikka u l-elite jiġru ma’ Muscat, iżda tkun ekonomija tan-nies, li jgawdi minnha kulħadd."
Simon Busuttil jikkonferma li huwa favur aktar
tkabbir tal-art fil-Freeport u kontra r-residenti

Intant il-Partit Laburista fi stqarrija qal li "permezz taż-żewġ Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, li ħadu l-linja tiegħu u marru kontra r-residenti, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kkonferma li huwa favur aktar tkabbir tal-Freeport fuq art ODZ u għalhekk favur aktar tniġġiż u inkonvenjenzi għan-nies tal-madwar. Simon Busuttil kompla għaddej bl-istess manuvri tal-establishment politiku li huwa mmilita fih u li llum qed imexxi, billi qed ikompli joħloq aktar inkovenjenzi għan-nies tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta billi dak kollu li jniġġeż aktar u li huwa ta’ detriment għan-nies, qed jipproponi li ‘jintefa’ f’din in-naħa tal-pajjiż."
Tenna li "n-nies huma xxukkjati bil-Kap tal-Oppożizzjoni, l-istess persuna li joħlom u jaspira li jkun Prim Ministru, li qed ikompli jqis in-nies ta’ Birżebbuġa u l-madwar bħala nies tat-tieni klassi. Filwaqt li l-Gvern se jibqa’ impenjat li jgħin lin-negozji, kif diġa rajna b’mod konkret, dan iridu jagħmlu mhux billi jkompli jitfa’ aktar pressjoni fuq residenti li ilhom jaqilgħu fuq rashom is-snin, iżda billi joħloq niċċeċ ġodda ekonomiċi. Filwaqt li Simon Busuttil jibqa’ garanzija ta’ kontijiet ogħla u aktar tniġġiż, dan il-Gvern huwa garanzija ta’ arja aktar nadifa, kontijiet orħos u tkabbir ekonomiku għall-pajjiż kollu."

minn L-ORIZZONT

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home