Rapport xokkanti dwar il-ħajja ta' immigranti fil-Libja….
"Livell allarmanti ta' vjolenza', skjavitu
u tqala mhux mixtieqa fi stupri"
- Medecins Sans Frontieres (MSF)
Intervisti ma' mijiet ta' immigranti salvati bejn is-sena 2015 u l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena jiżvelaw il-livell allarmanti ta' vjolenza u sfruttament li qed jgħaddu minnhom l-immigranti Afrikani fil-Libja. Nisa stuprati u xi wħud bi tqala mhux mixtieqha. Ħafna minn dawk salvati jirrakkontaw il-vjolenza li sofrew. Vjolenza kawżata minn swat kontinwu, vjolenza sesswali u anki qtil. Tispikka l-esperjenza ta' Maria (isem mibdul biex tkun protetta l-identità tagħha). Maria kienet salvata f'Ġunju li għadda. Tgħid li "n-nies ibiegħ lin-nies. Li tbiegħ persuna fil-Libja hi normali." Hi spiċċat inqabdet minn erba' persuni Kienet sfurzata fil-prostituzzjoni u stuprata b'mod kontinwu. "Ħadulna kollox. Fil-Libja kulħadd għandu arma, anki it-tfal. Jien għaddej tlett xhur u nofs fil-Libja u kont ngħix f'żewġt idjar. Darba minnhom tifla mietet quddiemna. Kienet marida. Bla ikel u bla ilma. Jekk tmur l-isptar jaħtfuk. Il-ħabib tiegħi għadha fil-ħabs".
MSF, f'rapport li ħarġu intitolat 'Maqbudin waqt il-vjaġġ', intervistaw għadd ta' immigranti irġiel, nisa u anke tfal mhux akkumpanjati b'xi wħud kellhom biss 10 snin.
Minn dak pubblikat minn MSF jirriżulta li 50 fil-mija tal-immigranti li kienu intervistati matul is-sena 2015, qalu li huma kienu spiċċaw f'detenzjoni fil-Libja għal diversi xhur. Dan allegatament sar kemm minn diversi milizzji kif ukoll gruppi kriminali. MSF tgħid li l-immigranti irrakkontaw kif kienu maqfulin fi djar b'kundizzjonijiet inumani u bla aċċess għall-kura medika u ħafna drabi sofrew vjolenza u xogħol sfurzat.
Mara Somala, salvata f'Mejju ta' din is-sena rrakkontat ma' MSF li "kif wasalna fil-Libja poġġew ġo hangar kbir. Domna hemm għal żmien mhux ħażin. Xi wħud damu hemm ġimgħatejn u oħrajn damu hemm anke sa erba' xhur peress li ma kellhomx flus. Kienu jtuna ftit ikel darba kuljum. Ma kienx hemm indafa. Qatt mhu se nirritorna l-Libja, jiġri x'jiġri".
Ħtif…..isawtuk b'li jiġi
għal idejhom biex tħallas
Għadd kbir ta' immigranti jitkellmu fuq flus li kellhom iħallsu wara li spiċċaw inħatfu. Skont l-immigranti l-pagamenti kienu jsiru permezz ta' Hawala li hi sistema ta' trasferiment ta' flus informali. Xi immigranti qalu li xtraw il-ħelsien tagħhom bi flus li kellhom fuqhom xi drabi meħjutin fuq ħwejjiġhom.
Jitkellem Menthueos, li għandu 23 sena u li kien salvat f'Mejju ta' din is-sena. Jitkellem fuq kif ħarab minħabba li ma riedx ikunu parti mis-servizz militari fl-Eritrea li hu impost. Hu inħataf fil-Libja għal erba' xhur. Dawk li ħatfuh riedu li jkun hemm ħlas ta' $2,000 biex jinħeles. "Kienu jżommu n-nies maqfulin hemm. Jittorturawhom u jsawwtuhom. Dan biex il-familji tagħhom jibagħtu l-flus biex jinħelsu. Ħafna drabi jien spiċċajt imsawwat u ttorturat. Jien ma kellix familja lil min inċempel. Jien smajt li kien hemm persuni li għamlu snin miżmumin għax ma ħallsux. Jitfgħuk mal-art u jsawwtuk b'kull ma jiġi għal idejhom. Isawwtuk bil-ħadid u anki bl-azzarini. Jorbutlek idejk u saqajk. Iħalluk mal-art bil-lejl u bi nhar. Ma jtuk kważi xejn x'tiekol."
Xogħol sfurzat fl-għelieqi
MSF, fir-rapport li ppubblikaw jgħidu kif għadd ta' immigranti jitkellmu fuq xogħol sfurzat. Ħafna drabi l-immigranti jispiċċaw maqbudin bejn 'middlemen' u 'brokers' u maqfulin f'detenzjoni.
Grupp ta' sitt immigranti li kienu ġejjin mill-Kamerun, Kosta tal-Ivorju u l-Guinea u li kienu salvati f'Mejju ta' din is-sena jirrakkontaw li "kollha qgħadna żmien differenti fil-Libja. Min xahrejn u min sa seba' xhur. Ma konniex nafu li konna se niġu sfurzati naħdmu. Xi wħud kienu fortunati u spiċċaw qabdu dgħajsa fi żmien qasir. Imma ħafna oħrajn spiċċaw kellhom jagħmlu xogħol sfurzat. Konna nkunu miżmumin f'ħabsijiet privati. Hemm djar proprjetà ta' sidien li jmexxu l-iskjavitu. Dan hu negozju. Kienu iġagħluna naħdmu fl-għelieqi u anke anke xogħlijiet oħra".
Immigrant Somalu li qatta xi żmien il-Jemen u li kien salvat f'Mejju li għadda qal li " jien kont mibjugħ minn persuna fis-Sudan lil wieħed Libjan. Il-prezz tiegħi kien $2,000. Traffikanti Sudaniżi u Libjani jaħdmu flimkien. Dak hu n-negozju tagħhom. Dment li xtrajna żammewni f'detenzjoni. Kont naħdem fl-irziezet. Fid-detenzjoni fejn kont miżmum bil-lejl, rajt diversi immigranti imutu minħabba li kienu morda u ma ngħatawx kura. Wara li kont ħdimt biżżejjed, telquni biex naqbad id-dgħajsa."
Lami li għandu 26 u li hu mis-Senegal qal lil MSF li "obbligawna naħdmu u ma kienux iħallsuna. Kienu jitrattawna qisna skjavi. Kienu jsawwtuna ħafna b'ħadida. Jien tlift ħafna demm. Lanqas stajt nimxi. Kien hemm wieħed li kien marid sew u l-kundizzjoni tiegħu kienet dejjem sejra għall-agħar. Hu miet quddiem għajnejja. Kellna nidfnuh aħna. Fil-Libja jekk ma jkollokx flus biex tħallas lil min jattakkak, tiġi msawwat. Ippreferejt immut mgħarraq fil-baħar".
"Kont nibża li jistuprawni kif għamlu
lil nisa oħra"
Esperjenzi oħrajn kienu dwar prostituzzjoni sfurzata, fejn Hope (isem mibdul biex tkun protetta l-identità tagħha tgħid li "jien għandi għoxrin sena. Kont inkanta fin-Niġerja. Kont sirt ħabiba ma' mara u din stednitni inmur f'Lagos fin-Niġerja stess. Meta mort hemm hi biegħitni lil mara oħra. Dan ħaditni f'post li jintuża għall-prostituzzjoni fil-Libja. Kienu jiġu l-irġiel u jħallsu biex jagħmlu s-sess man-nisa. Jien irrifjutajt li nagħmel is-sess. Qafluni u kienu jsawwtuni".
Natasha ta' 23 sena mill-Kamerun, kienet salvata flimkien ma' bintha ta' erba' xhur. Hi tgħid li "meta wasalna fi Tripli ħatfuna. Ħaduna f'dar fejn kien hemm mijiet ta' persuna miżmumin. Żammewni hemm ħames xhur. Kont beżgħana ħafna li se nispiċċa immut hemm. Kont nibża' li se jispiċċaw jistuprawni kif għamlu lil nisa oħra".
Jiġu għal mediċina għas-sogħla
u tara ġrieħi ta' tortura fuq ġisimhom
Dr Erna Rijnierse, tabiba ta' MSF fuq il-bastiment Aquarius li jwettaq salvataġġi f'nofs il-Mediterran, qalet li "jkun hemm każi fejn il-persuni salvati jiġu għall-mediċina minħabba s-sogħla u mbagħad tara li fuq ġisimhom iħalli feriti ta' daqqiet li jkunu qalgħu. Issib li anke jkollhom għadam miksur. Kif tkellimhom jibdew jirrakkontawlek l-esperjenzi xokkanti tagħhom. Fl-aħħar 12-il salvataġġ rajt xejn inqas minn 32 pazjent bi ġrieħi ta'vjolenza.
Fir-rapport tagħhom MSF isemmu diversi pazjenti li kellhon ġrieħi serji ta' daqqiet li qalgħu. Dr. Paola Mazzoni f'kummenti li għaddiet ukoll ikkonfermat għadd ta' każi ta' ġrieħi serji minħabba vjolenza li sofrew.
Dominique Luypaers, qabla ma' MSF fuq il-bastiment Bourbon Argos, tgħid li "nisa li jkunu salvati jkunu b'sentimenti iddisprati. Dan narah meta nkunu qed ninvistawhom. Jirrakkontaw l-esperjenzi iebsa li jkunu għaddew minnhom fil-Libja. Hemm nisa li kienu stuprati. Hemm nisa li spiċċaw bi tqala li ma xtaquhiex".
MSF fir-rapport tagħhom jgħidu li dawn l-esperjenzi ta' immigranti maqbudin fil-Libja, qed iħallu effetti psikoloġiċi severi fuq l-istess immigranti. Jenfasizzaw li f'sena waħda biss f'ċentru f'Ragusa, kien hemm 60 fil-mija ta' 387 immigrant li kellhom problemi mentali. Kien hemm imbagħad 82 fil-mija tal-immigranti li kienu qed ibatu minn trawmi kawża ta' dak li għaddew minnu.
Ahmed Al Rousan, Cultural Mediator ma' MSF jgħid li "meta jkunu salvati l-ewwel li nagħmlu hu li nikkalmawhom. Niżgurawhom li mhux se jerġgħu jittieħdu lura lejn l-infern li kienu fih. Jien inħares f'għajnejhom u huma jħarsu lura lejja. Ikun imwerwrin. Ngħidulhom ċar u tond li ħadd mhu se jeħodhom lura lejn il-Libja.
minn l-orizzont
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home