Tuesday, July 26, 2016

Disa' żgħażagħ xtraw bastiment u ġew fil-Mediterran isalvaw l-immigranti

Wara vjaġġ pjuttost twil disa' żgħażagħ flimkien ma' grupp ieħor ta' volontieri fl-aħħar jiem kienu f'pajjiżna fejn minn hawn bdew il-vjaġġ lejn ibħra internazzjonali qrib il-Libja bl-għan tagħhom ikun dak li jsalvaw l-immigranti. Dawn issa se jingħaqdu ma' diversi organizazzjonijiet oħra li bħalissa qegħdin iwettqu salvataġġi, li huma Medecins Sans Frontieres (MSF), il-Migrant Offshore Aid Station (MOAS), Sea Watch u SOS Mediterranean apparti l-bastimenti navali Taljani u dawk tal-missjoni Ewropea 'Sophia'.

    L-idea bdiet minn żewġ żgħażagħ minn Berlin Jakok Schoen u Lena Waldhoff, li għandhom 20 u 23 seen rispettivament. Wara kampanja li għamlu huma ġabru €300,000 u bihom xtraw dgħajsa.  Magħhom immedjatament ingħaqdu għadd ta' voluntieri u professjonisti biex jassistu.

    Iż-żgħażagħ isostnu li "meta jkollok għoxrin sena, jkun hemm modi diversi ta' kif wieħed iħares lejn il-baħar.  Hemm min iħares lejh għal xi vaganza, jew biex jieħu ritratti u jaqsamhom ma' sħabu. Jista' jkun li jkun hemm min iħares lejn il-baħar b'mod aktar wiesa u jara l-indifferenza li hemm f'dik li hi politika umanitarja. Quddiem dan, konna disa' studenti li ddeċidejna li niġbru l-flus biex nixtru bastiment u nibdlu f'bastiment ta' salvataġġ ta' immigranti", jgħidu ż-żgħażagħ.

    Bla dubju ta' xejn li din kienet idea ambizzjuża u kuraġġuża, fejn fi żmien sena dan il-ħsieb evolva sew.  L-għan ta' din il-missjoni hu li tagħmel xi ħaġa b'mod konkret biex tindirizza s-sitwazzjoni ta' emerġenza f'dik li hi salvataġġi f'nofs il-Mediterran. Huma jridu joħolqu ukoll diskussjoni fost iż-żgħażagħ biex tippromwovi l-parteċipazzjoni u l-iżvilupp ta' politika dwar l-ażil.

    Jakob Schoen jgħid li "aħna grupp ta' żgħażagħ li għandna opportunità li nibdlu xi ħaġa.  Li jkollok bastiment ta' salvataġġ mhux is-soluzzjoni għat-tul. Biss dan jgħin biex issalva l-ħajjiet.  Dan imma se jqajjem il-mistoqsija għaliex flok huma il-gvernijiet li qed jagħmlu s-salvataġġ, qed ikunu grupp ta' żgħażagħ li għamlu inizjattiva privata ta' salvataġġi?".

    'L-għan tagħha hu sempliċi. Dak li jkun hemm inqas imwiet fil-Mediterran. Fuq naħa għandna l-bastiment u fuq naħa l-organizazzjoni Jugend Rettet li trid tibni qafas Ewropew dedikat għall-adoloxxenti u żgħażagħ li jridu jiddiskutu r-rwol li għandu jkollha l-Ewropa fuq emerġenzi umanitarji."

    Ta' min jgħid li minkejja d-diversi organizazzjonijiet li hawn f'nofs il-Mediterran u minkejja l-missjoni tal-Unjoni Ewropea, l-imwiet matul din is-sena diġa laħqu it-3,000 persuna, li hu ferm akbar minn kemm kienu mietu s-sena ta' qabel fl-istess perjodu. Hu stmat li minn Marzu 'l hawn 20 persuna kuljum tilfu ħajjithom fi vjaġġi lejn l-Ewropa fil-Mediterran.
    minn l-orizzont u inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home