Monday, July 25, 2016

Wara li statwa twaqqgħet b'daqqa ta' karozza... issa laqqatha kanċell ma' statwa oħra


F'pajjiż fejn qed ikunu reġistrati 42 vettura kuljum waqt li huma seba' biss dawk li jkunu skrappjati kuljum, u fejn għandna 335,000 vettura reġistrata fuq 2,400 kilometru ta' toroq, il-kawtela fis-sewqan hi importanti ħafna.  Biss jidher li quddiem din iż-żieda fil-karozzi, fit-toroq tagħna regolarment niltaqgħu ma' sewwieqa b'sewqan eċċessiv u traskurat.


Regolarment ikun hemm każijiet ta' karozzi ipparkjati u li jispiċċaw jintlaqtu minn karozzi li jkunu għaddejjin u li dawn jibqgħu sejrin.  Is-sewqan bil-mowbajl donnu hu fenomenu li allavolja żdiedu l-pieni għadu wieħed jiltaqa' miegħu sew.  Ipparkjar bl-addoċċ jew li jostakola t-toroq hu fenomenu li dejjem qed jiżdied f'pajjiżna.

Ftit tal-ġimgħat ilu kellna l-każ fejn sewwieq laqat pedestall  bi statwa tal-festa fil-Qrendi u qalibha. Is-sewwieq baqa' sejjer.  Ġara li fl-aħħar jiem, kien inċident ieħor fil-Qrendi fejn din id-darba kien kanċell li intlaqat, liema kanċell idawwar statwa fuq pedestall iddedikat lil Santa Marija.

Il-Kunsill Lokali tal-Qrendi appella għal aktar attenzjoni minn kulħadd.  Il-kunsill qal li importanti ħafna li kulħadd isuq b'aktar kawtela u attenzjoni sabiex ma jsirux ħsarat simili li jinvolvu ħafna spejjeż għalxejn.

Anki l-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi ammetta magħna li "jidher ċar li għad hawn min hu rresponsabbli u mhux konxji tal-konsegwenzi li l-azzojnijiet taghom fit-toroq jistgħu jġibu fuq ħaddieħor. Qed nitkellmu fuq ħajjet in-nies ta' madwaran u għalhekk kulħadd għandu jara li jagħmel aktar. Kulħadd irid jerfa' r-responsabbilità tiegħu".


0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home