Id-dinghy tal-mewt: "F'għajnejn il-katavri rajt l-agunija u sofferenza"
'Id-dinghy tal-mewt". Dan hu l-mod kif voluntiera fuq missjonijiet ta' salvataġġ fil-Mediterran qed jiddeksrivu d-dinghy li abbord fuqu mietu 21 mara u raġel ftit jiem ilu, mgħarrqin f'ilma u fjuwil. Titkellem il-persuna li telgħet abbord id-dinghy teżamina l-katavri. Din kienet Erna Rijnierse, tabiba ma' Medecins Sans Frontieres (MSF). Fi kliemha stess f'għajnejn in-nisa mejtin setgħet tara s-sofferenza li għaddew minnha qabel mietu. Dr Erna Rijnierse, f'kummenti li ħarġet qalet li "kien nhar l-Erbgħa meta irċevejna telefonata miċ-Ċentru ta' Kordinazzjoni f'Ruma u dawn qalulna li kellhom ħelikopter li kien qed jagħmel evakwazzjoni medika. Qalulna li għandhom bżonn l-assistenza tagħna. Sa dak il-ħin konna għadna ma nafux li minn fuq id-dinghy ġew evakwati 48 persuna".
Kompliet tgħid li "meta ersaqna qrib id-dinghy, jien rajt li kien hemm silenzju kbir fuq il-post. Mhux soltu għax normalment meta nersqu qrib dinghy jew dgħajsa l-immigranti li jkun hemm jibdew ixejru. Din id-darba kienu silenzjużi. Kif ersaqna aktar qrib laqtitna r-riħa qawwija ta' fjuwil li kien hemm". Erna Rijnierse ddikjarat li "meta ersaqna aktar qrib l-immigranti qalulna li hemm xi persuni mejtin. Indunajna li dawk li kien hemm ma kellhomx ġgieget ta' salvataġġ tajbin u għalhekk tajnihom aħna mill-ewwel. Tlabt permess biex inmur fuq id-dinghy. Kif irfist l-ilma ġie sa ftit inqas minn irkopptejja. Ir-riħa ta' fjuwil kienet inkredibbli. Kien hemm riħa qawwija ta' awrina u oġġetti oħra. Kien diffiċli ħafna li ma tirfisx fuq il-katavri. Ridt niżgura li dawn in-nisa, kienu verament mejtin. Għamilt analiżi tagħhom u kienu kollha mejtin. Xi wħud dehru li kienu ilhom ftit sew li mietu. Ma stajt nagħmel xejn aktar u għalhekk mort lura fuq il-bastiment".
Tgħid li "kien hemm diversi immigranti li kienu qed ibatu minn uġigħ f'għajnejhom u dan kien minħabba l-fjuwil. Deher evidenti li kien hemm xi tip ta' ġlied fuq id-dinghi u dan deher evidenti minħabba grif li kellhom xi immigranti. Kellna għaxar immigranti li anke kellhom gdim fuq idejhom jew saqajhom. Dan għalija jfisser li saru minn xi persuni li tpoġġew mal-art u kienu sfurzati jibqgħu hemm bil-forza. Hu orribbli li tipprova timmaġina dan ix-xenarju. Fuq il-bastiment kellna immigranti iħarsu ċassi". Enfasizzat li kien hemm immigranti trawmatizzati b'dak li ġara. Aktar tard ġbidna r-ritratti tal-katavri. Tajna stima tal-età tagħhom u dettalji oħra u għaddejniehom lill-awtoritajiet Taljani.
"Biss li jnikktek hu li persuna waħda setgħet tkun identifikata. Mietu mewta ta' agunija. Tista' tara dan f'wiċċ il-katavri. Xi wħud kellhom sinjali li mietu fgati. Dik identifikata hi l-mara ta' immigrant li kien fuq l-istess dinghy. Kien hemm persuna ukoll li vvjaġġa ma' xi qraba tiegħu imma minħabba l-istat li kienu fihom l-uċuħ, membri tal-familja tiegħu ma setgħux jidentifikawh. Minn dawk li qalulna, sirna nafu li dawn in-nisa mejtin kienu ġejjin minn Niġerja. Xi wħud minnhom kienu għadhom kif ħarġu minn detenzjoni fil-Libja". Dr Rijnierse tgħid li "qed insibha diffiċli naċċetta dan. Hu diffiċli tħares lejn dawk l-uċuħ ta' nisa mejtin. Aktar u aktar li tagħti xi forma ta' identifikazzjoni lil mara jew tfajla li qatt ma tkun kellimt magħha. Fl-aħħar jiem kont irrabjata. Irrabjata lejn il-politika. Dawn it-tfajliet setgħu faċilment xtraw biljett ta' l-ajru. Ma kellhomx għalfejn jaqsmu d-deżert jew jispiċċaw bi prostituzzjoni sfurzata. Jien imnikkta ħafna għax dawn il-persuni ma wettqu l-ebda tip ta' kriminalità. Kienu nies normali."
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home