Joseph Muscat: Busuttil ma jridx ministri jattendu laqgħat fil-Kunsill Ewropew? Lanqas Farage ma jgħid ħmerija bħal din!
Il-Prim Ministru Joseph Muscat fl-intervent tiegħu fil-Parlament iddikjara li jinsab sorpriż għal aħħar b'dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni, dikjarazzjoni li ma tfisser xejn ħlief li l-Oppożizzjoni ma tridx li l-Ministru jattendu l-laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.F'botta diretta lejn il-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru qal: "Jien Farage? Lanqas Farage ma jgħid ħmerija bħal din!"
Il-Prim Ministru qal li "ddeċidejna li nimxu fit-triq tal-flessibilità. Għamilna diskussjonijiet mal-Oppożizzjoni biex ikollna tibdil għaż-żmien li ġej u mhux għal din il-leġislatura. Kienu diskussjonijiet li ħadu fit-tul. Wasalna fi ftehim fuq ħafna affarijiet. Għandna qbil li l-membri Parlamentari li ma jattendux iridu jħallsu multa ta' €50. Għandna qbil fuq proposta li kienet fil-manifest elettorali taż-żewġ partiti u din hi dik li jitwaqqaf kumitat tal-petizzjoni u dan biex petizzjonijiet tal-pubbliku jkunu diskussi. Kellna ftehim li meta jkun hemm ministru li meta kumitat parlamentari jkun jiddiskuti xi ħaġa li taqa' taħtu, dak il-ministru ma jkunx parti minn dak il-kumitat. Niftakar żewġ każi fil-leġiżlatura li għaddiet fejn ministri staqsew mistoqsijiet fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi lill-persuni fiċ-ċivil li kienu jaqgħu taħthom."
Il-Prim Ministru qal li llum hemm sistema fejn l-abbozz privati jkunu diskussi nhar ta' Ħamis. Qal li bħalissa hemm anomalija fejn jekk il-Gvern ikun imissu jlaqqa' l-Parlament biex jiddiskuti abbozz li jkun se jressaq hu u dan ma jagħmlu, jekk jibqa' ma jlaqqax il-Parlament il-Ħamis sal-aħħar tal-leġiżlatura ikun ifisser li l-Oppożizzjoni ma tkunx tista' tiddiskuti l-mozzjonijiet tagħha.
Il-Prim Ministru qal li hu ma jaqbilx mal-proposta tal-Oppożizzjoni li jkomplu għaddejjin id-diskussjoni. "Nistqarr li ninsab sorpriż immens b'dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni llum. B'dispjaċir ngħid li naħseb li ma fehemx dak li hemm miktub. Hu qal li mhux il-membri Parlamentari kollha se jkunu stmati l-istess fejn tidħol il-multa fuq attendenza. Dan mhu minnu xejn. Li qed ngħidu biss hu li membri li jkunu imsefrin ma jitqiesux bħala assenti. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal ukoll li l-Ministri għandhom dover jattendu l-Parlament. Dan ifisser li l-Kap tal-Oppożizzjoni irid li l-Ministri ma jattendix għal-laqgħat fil-Kunsill Ewropew. Jien Farage? Farage lanqas jgħidha ħmerija bħal din!" iddikjara l-Prim Ministru.
"Jien konvint li permezz ta' dan il-vot se nkomplu nirregolaw dan ix-xogħol tal-Kamra," temm jgħid il-Prim Ministru.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home