Monday, July 25, 2016

Kemm qed tonfoq il-mara tal-Prim Ministru f'safar? Medja ta' €1,191

Bid-Deputat Nazzjonalista David Agius jistaqsi dwar safar li għamlet Michelle Muscat - il-mara tal-Prim Ministru - u li għalihom ma kienx preżenti l-istess Prim Ministru, sar magħruf li l-medja ta' kull safra f'dik li hi biljetti tal-ajru, trasferimenti u lukandi kienet ta' medja ta' €1,191.

    Il-Prim Ministru, fi tweġiba Parlamentari, qal li "minn Marzu 2013 sal-lum, kien hemm disa' okkażjonijiet fejn il-mara tiegħi kellha impenji barra l-pajjiż u fejn jien ma kontx preżenti. Dawn l-impenji kienu relatati ma’ stediniet li sarulha minn Puttinu Cares, The European Organisation for Rare Diseases, AIDS/LifeCycle u Special Olympics. Impenn partikolari kien marbut mal-kanonizzazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II. Għal dan l-impenn fuq stedina tal-Gvern, kien attenda wkoll rappreżentant tal-Oppożizzjoni. L-impenji kienu fir-Renju Unit, il-Belġju, l-Italja, l-Awstrija, Ċipru u l-Istati Uniti. L-ispiża medja fuq titjiriet, trasferimenti, lukandi u ikliet kienet ta’ €1,191 f’kull impenn. Ngħarraf li l-mara tiegħi ma tingħatax per diem allowance."

    Tenna li "l-prassi li kienet segwita fir-rigward tal-mara tiegħi minn Marzu 2013 ‘il quddiem hija l-istess prassi li kienet segwita fir-rigward tal-mara tal-Prim Ministru fil-leġiżlaturi li għaddew. Fil-fatt bejn l-2007 u l-2011 kien hemm numru ta’ okkażjonijiet li matulhom il-mara tal-Prim Ministru kellha impenji barra l-pajjiż u fejn il-Prim Ministru ma kienx preżenti, f’Ċipru, ir-Renju Unit, il-Belġju u l-Portugall."

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home