Wednesday, July 27, 2016


"Martri, ispirazzjoni" - membri tal-kleru f'Malta jikkummentaw dwar il-qtil ta' Fr Jacques Hamel

Il-qtil ta' Fr Jacques Hamel f'Rouven fit-Tramuntana ta' Franza waqt li kien qed iqaddes ġie mqabbel mal-qtil ta' Thomas ta Becket u ta' Oscar Romero. Ħafna iddeskrivewh bħala 'il-martri ġdid ta' llum'.  Il-kundanni minn madwar id-dinja kollha ma naqsux. Kien hemm min mar pass ieħor, fosthom il-politiku Taljan Roberto Maroni fejn dan appella lill-Papa Franġisku biex jibda proċess immejdat biex Fr Hamel jibda t-triq li jiġi dikjarat qaddis. Ma naqsitx diskussjoni fi ħdan membri tal-kleru f'Malta.  Inewsmalta.com tkellmet ma' diversi membri tal-kleru, fejn dawn spjegaw kif jaraw lil dan il-qassis ta' 84 sena, dgħajjef, u li miet waqt li kien qed jiċċelebra l-quddiesa, bħala 'ta' ispirazzjoni'.

    Il-Kappillan tal-Parroċċa ta' Santu Wistin, Fr. Deo Debono meta kuntattjat qalilna li "hu ta'  dispjacir kbir għalina s-saċerdoti li nisimgħu b'dawn il-ġrajjiet u ssewdilna qalbna għax nafu li ħafna mill-familjari, ħbieb u parruċċani tagħna jinkwetaw għalina. L-aktar ħaġa li dejqitni hija li attakkaw anzjan li m'għandux saħħa biex jieqaf lil min jattakkah. Min qatlu ried jidher b'saħħtu billi sab saċerdot dgħajjef. Aħna ma għandna qatt naqtgħu qalbna. Il-Mulej stess wissiena li għad nkunu ppersegwitati minħabba fih. M'għandniex nibżgħu anzi għandna nħarsu lejn dan is-saċerdot u nħalluh ikun ispirazzjoni għalina."

    Tenna li "għalina saċerdoti żgħażagħ, dan is-saċerdot għandu jgħallimna ħafna fuq xi tfisser li tingħata u d-disponnibiltà għax minkejja li kellu fuq 80 sena b'għażla tiegħu mar jiċċelebra l-quddies għall-poplu u bla ma kien jaf kellu jkun ta' servizz bl-eżempju tiegħu bħala martri ġdid għall-knisja kollha."

    "Martri...qed ngħixu f'dinja tal-biża' fejn kważi tixba' tgħix" - Fr Reno Muscat

    Fr Reno Muscat  fir-reazzjoni tiegħu qalilna li "dan hu martri, hekk inqisu dan il-każ, mhux inqisu iżda hekk hu. Kristu stess wegħdna l-persekuzzjoni, iżda aktar faċli tgħid milli twettaq dak li tippriedtka aktar faċli tirrakkonta l-istejjer tal-martri milli tkun martri inti stess. Dun Jacque Hamel huwa vittma ta' ġlieda mhux bejn ir-reliġjonijiet iżda bejn il-kulturi, iżda billi l-kultura Ewropea għandha l-għeruq tagħha fil-fidi Kristjana, qed tkun din il-fidi li l-aktar li tbati. F'waqtiet  bħal dawn faċli wieħed jirribella, faċli wieħed jimtela' bir-rabja jew bil-mibegħda lejn dawk li wettqu dan l-att tà niket, iżda bħala Nsara niftakru li anke Kristu wara tant ġid li wettaq spiċċa maqtul."

    Fr Reno saħaq li "mill-banda l-oħra nemmen li fl-2016 dawn l-atti ma għandhomx isiru u hemm bżonn li tinstab soluzjoni biex kulħadd jgħix fis-sliem. Qegħdin ngħixu f'dinja tal-biża', f'dinja fejn kważi tixba' tgħix. Mhux sewwa, għax id-dinja hawn lok għal kulhadd U kulħadd għandu dritt jgħix, u jgħix bil-kwiet u fis-sliem."

    "Fl-Italja ta' Fuq hawn biża' mit-terroriżmu u b'dak li ġara din se tkompli tikber" - Fr Anthony Mario Saliba

    Minn naħa tiegħu Fr Anthony Mario Saliba, li hu bbażat f'Monza l-Italja, fil-kummenti li għaddielna qalilna li "dak li ġara fil-fehma tiegħi hu serju ħafna għal żewġ raġunijiet. Dak li ġara, ma ġarax f'xi belt kbira u importanti, jew f'xi kattidral li jżuruh it-turisti, ecc. Imma seħħ f'raħal żgħir insinifikanti. Dan ifisser kemm verament wieħed m'għandux jieħu qisu xejn mhu xejn dan il-periklu enormi tal-estremiżmu iżlamiku. Hemm ukoll l-aspett tal-"għaliex" twettaq. Id-delitt mhux delitt politiku imma "in odium fidei". Il-qassis, ġie maqtul, mhux b'kumbinazzjoni jew għax inzerta kien hemm imma ġie maqtul propju għax hu qassis nisrani. Dan jikkonferma dak li kemm-il darba qal il-Papa Franġisku li din hija gwerra lill-kultura nisranija tal-Ewropa, ir-"radici cristiani" - l-għeruq insara" tal-Ewropa. Mela, wara dak li ġara, għandna l-konferma li l-estremiżmu Iżlamiku meta jikkumbatti l-oċċident m'għandux f'moħħu biss ġlieda politika, anti-kapitalista u oħrajn imma għandu f'moħħu wkoll gwerra reliġjuża, jiġifieri reliġjon tiġġieled lill-oħra."

    Enfasizza li "dawn huma ż-żewġ aspetti li ġew f'moħħi wara li smajt bl-aħbar. Hawnhekk, fl-Italja ta' fuq hawn ħafna biża u tensjoni minħabba t-terroriżmu. Wara dak li ġara llum, dan il-biża' se jkompli jikber." Isostni li "minkejja din il-biża' kollha, pero', il-Caritas Ambrozjana u l-Knisja Kattolika tad-Djoċesi ta' Milan qiegħda fuq quddiem nett biex tgħin lil dawk li, minħabba l-gwerra u l-vjolenza fil-Lvant Nofsani, qed ifittxu kenn fl-Ewropa."

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home