Thursday, July 28, 2016

Rapporti li Malta bagħtet lura ħaddiema mill-Korea ta' Fuq

 

Wara li ftit ġimgħat ilu kien hemm rapporti dwar kif Malta kienet qed tkun użata fost pajjiżi oħra fejn jirrigwarda ħaddiema mill-Korea ta' Fuq, issa rapporti li nħarġu fil-midja internazzjonali qed isostnu li Malta ċaħdet estensjoni ta' visas lil ħaddiema mill-Korea ta' Fuq.
    L-istess rapporti, fosthom minn Yonhap News, qed jgħidu li dawn il-ħaddiema ntbagħtu lura u li Malta ħadet dan il-pass kawża ta' kampanja diplomatika mill-Korea t'Isfef u minn gruppi għad-drittijiet umani.
    B'kollox jidher li ntbagħtu lura 20 ħaddiem li kienu jaħdmu fil-qasam tal-kostruzzjoni u f'fabbrika tat-tessuti.
    Fil-bidu ta' Lulju, il-Polonja u Malta ġew implikati bħala li allegatament qed jintużaw mir-reġim tal-Korea ta' Fuq billi jintbagħtu lejhom ħaddiema deskritti bħala 'skjavi sponsorjati mil-Istat' u dan biex b'hekk jittaffew is-sanzjonijiet li hemm bħalissa fuq dan il-pajjiż minħabba l-programm nukleari tiegħu.
    L-allegazzjonijiet, li kienu xxandru f'għadd ta' mezzi tax-xandir internazzjonali, saru mill-Alleanza Ewropea għad-Drittijiet Umani fil-Korea ta' Fuq (EAHRNK).
    Rapporti li xxandru kienu qed jallegaw li l-Korea ta' Fuq kienet qed tibgħat mijiet ta' ħaddiema biex jaħdmu fi stati Ewropej. Ġie allegat li dawn qed jitħaddmu f'xiftijiet ta' bejn 10 u 12-il siegħa għal sitt jiem fil-ġimgħa. Ingħad li 90 fil-mija tal-pagi tagħhom qed jispiċċaw jintbagħtu lejn il-Korea ta' Fuq.
    L-Alleanza Ewropea għad-Drittijiet Umani fil-Korea ta' Fuq qalet li dawn il-persuni qed jaħdmu f'tarznari Pollakki, irziezet u kumpaniji tal-kostruzzjoni. Huma jsemmu ukoll lil Malta direttament u jgħidu li dawn hawnhekk qed jitħaddmu fl-industrija tad-divertiment u fil-manifattura tal-ħwejjeġ.
    L-Ambaxxata tal-Korea ta' Fuq f'Varsavja ċaħdet għalkollox li dawn il-ħaddiema qed jiġu mċaħħdin mill-paga tagħhom. "Ħadd mhu jeħdilhom is-salarju tagħhom. Huma qed jaħdmu u jaqilgħu l-flus għalihom," iddikjarat l-ambaxxata. Biss qed ikun allegat li r-reġim ta' Kim Jong Un qed juża x-xogħol barra l-pajjiż biex ikollu biżżejjed flus barranin biex jegħleb l-impatt tas-sanzjonijiet tal-Ġnus Magħquda.
    Dawn is-sanzjonijiet kienu estiżi f'Marzu wara li sar test nukleari fi Frar li għadda. Michael Glendinning, Direttur tal-Alleanza Ewropea għad-Drittijiet Umani (EAHRNK), qal li kollox hu mmexxi minn Pyongyang u dan qed jibbenefika ħafna mix-xogħol ta' dawn il-ħaddiema.
    Ta' min jgħid li f'rapport li kien inħareġ mill-Ġnus Magħquda is-sena li għaddiet, kien ġie stmat li xejn inqas minn 50,000 persuna mill-Korea ta' Fuq kienu qed jaħdmu barra l-pajjiż, bl-Istat kien qed jaqla' bejn $1.2 biljun u $2.3 biljun.

 

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home