Tuesday, August 9, 2016

Rabja minn residenti...u r-rimi ta' skart ikompli

Wara l-istorja li xandarna fil-ħarġa tal-bieraħ dwar l-istat li tinsab fih Buġibba f'dak li hu skart, fl-aħħar sigħat aktar u aktar residenti komplew jilmentaw mill-istat ta' ndafa f'Buġibba. Ilbieraħ għal darba oħra diversi żoni f'Buġibba fosthom qrib ħwienet frekwentati minn turisti kien hemm miżbla sħiħa.  Ilbieraħ kienu diversi sidien ta' ħwienet, li b'rabta mar-rapport imxandar ilmentaw kif filgħodu żoni f'Buġibba kienu 'litteralment miżbla'.

Sid ta' stabbiliment qalilna li "sfortunatament illum kienet ġurnata oħra fejn rajna skart anke skart goff jinħareġ u jitħalla. Qrib l-istabbiliment tiegħi jekk tiġi tara skart goff li nġareġ fosthom kartun u siġġijiet imkissrin".



Sid ta' negozju fi Triq il-Pijunieri qalilna li "l-iskart sar problema kbira. Qed tagħmlu sew iġġibu għall-attenzjoni tal-pubbliku din il-problema. Xi ħadd imma irid jieħu azzjoni. Żgur li hemm bżonn infurzar. Nifhem li la l-kunsill u lanqas il-Gvern ma jistgħux jagħmlu l-mirakli għax il-ħmieġ in-nies qed jikkawżawh. Biss hemm bżonn li din tibda tiġi indirizzata, għax anke tgergir mit-turisti jkollna".

Sid ieħor qalilna li "veri li mhux faċli taqbad min qed jarmi barra imma fuq ċerti żoni bi ftit ħsieb tinduna min qed iħammeġ. Hemm post partikolari li kull ftit jiem tinġab posta minna barra lil residenti barranin. Kull meta dan isir fuq il-bankina jkun hemm miżbla sħiħa ta' kartuna. Ir-residenti tat-triq jafu li dik il-post tkun indirizzata għal blokk partikolari li fih jgħidu residenti minn pajjiż barrani".



Diversi residenti fuq is-siti soċjali kkummentaw fuq ir-rapport imxandar minn L-ORIZZONT, fejn ma naqsux li jsemmu l-importanza li jkun hemm kameras u aktar infurzar.

Riċentament f'Buġibba jidher li kien hemm għadd ta' persuni barranin li bdew jiġbdu ritratti tal-iskart. Dawn ġibdu l-għajn ta' diversi residenti li meta kienu kkonfrontati dwar l-identità tagħhom, dawn infurmaw li huma kienu qed jiġbdu r-ritratti tal-iskart biex ikunu pubblikati fuq il-Euro Magazine. Dan hu magazine tal-International Holiday Tours.  Jidher li ġew infurmati ukoll li dawn l-istess ritratti se jkunu pubblikati fuq Trip Advisor, sit imfittex ħafna minn persuni li jkunu qed jippjanaw l-vaganzi.

L-eks Sindku ta' San Pawl il-Baħar, Ray Tabone tkellem dwar dan u kkonferma ma' L-ORIZZONT li kien infurmat minn residenti dwar dak li kien għaddej. Hu staqsa jekk dak li qed isir, hux intenzjonat biex issir ħsara lill-industrija turistika.  Hu talab li tittieħed azzjoni.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home