Rig taż-żejt li kien se jinġieb Malta jinkalja waqt maltempata
Rig taż-żejt, li x-xahar li għadda skadielu l-kuntratt ta' $498,000 kuljum ma' Det Norske Oljeselskap, kien jinsab fi triqtu biex fi żmien qasir ikun f'pajjiżna, fejn fuqu kellu jsir xi xogħol u mbagħad wara jittieħed lejn it-Turkija biex ikun skrappjat. Dan ir-rig, iżda, kien involut f'kontroversja sħiħa hekk kif waqt li kien qed jinġibed spiċċa nqabad f'maltempata u inkalja fuq il-gżira ta' Lewis 'il barra mil-Iskozja.
Sorsi li tkellmu magħna spjegaw li għalissa għadu kmieni
biex wieħed jara x'se jiġri u meta dan se jinġieb f'pajjiżna. Ir-rig,
bl-isem ta' Transocean Winner, inkalja qrib il-lokalità ta' Dalmore.
Diversi esperti fl-Iskozja qed jeżaminaw iċ-ċirkostanzi li
minħabba fihom ir-rig taż-żejt spiċċa inkalja waqt li kien qed
jinġibed. Abbord ir-rig hemm 280 tunnellata ta' diżil. L-awtoritajiet
Skoċċiżi imblukkaw l-aċċess għal xtajtiet fil-qrib u avżaw
lill-għawwiema biex iżommu 'l bogħod.
Kien il-Ħadd filgħaxija meta r-rig telaq min-Norveġja u
beda jinġibed fi triqtu lejn Malta. Għal raġunijiet li għadhom mhux
magħrufin intalbet assistenza mid-dgħajsa tal-irmonk li kienet qed
tiġbdu. Abbord ir-rig ma kien hemm ebda ħaddiema.
Għaddejja inkjesta dwar dan l-inċident.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home