Aktar immigranti qed jieħdu r-rotta tal-Eġittu
Il-mod kif persuni Afrikani li jivvjaġġaw lejn il-Libja qed ikunu trattati f'dan il-pajjiż flimkien ma' esperjenzi ma jaqtgħu xejn ta' swat, torturi u ħtif, jidher li qed iwasslu biex fl-aħħar xhur biex tinbidel ix-xejra fil-vjaġġi ta' immigranti lejn l-Afrika ta' Fuq. Jidher li issa qed ikun hemm żieda fil-persuni li qed jippreferu li jmorru l-Eġittu. Fi kliemhom stess, il-vjaġġ hu $2,000 irħas. L-istess persuni huma konxji li r-riskji għal saħħithom fl-Eġittu huma ħafna inqas.Voluntieri ma' organizazzjonijiet umanitarji fl-Italja li fl-aħħar ġimgħat kienu qed jitkellmu ma' persuni li kienu għadhom kif ġew salvati kienu qed jilmentaw kif istituzzjonijiet Libjani kienu qed jispiċċaw jiggravaw l-isfidi marbutin ma' protezzjoni għall-istess immigranti. Fost esperjenzi ta' migranti li ġew rakkontati kien hemm dawk li allegaw li Gwardji tal-Kosta Libjani kienu qed jibagħtu immigranti li jkunu qed jippreparaw biex jaqsmu l-Mediterran f'ċentri ta' detenzjoni fejn hemmhekk jiffaċċjaw abbużi u torturi.
Fl-aħħar jiem kien hemm is-sejba ta' għadd ta' katavri ta' immigranti fuq xtajta fil-Libja, li kollox jindika li għerqu waqt li kienu qed jagħmlu l-vjaġġ.
Quddiem dawn iċ-ċirkostanzi, fl-aħħar tliet xhur organizazzjonijiet umanitarji stħarrġu dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu, fejn dawn irriżultalhom b'mod mill-aktar ċar li kien hemm żieda f'persuni mill-Afrika li kienu qed imorru l-Eġittu.
Wieħed mill-voluntieri ddikjara li "qed niltaqgħu ma 'dawn in-nies kuljum. Etjopjani, Eritrei u Somali qed jiġu fl-Eġittu b'mod regolari".
Irid jingħad li ftit ilu anke l-Organizazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni (IOM) irrappurtat li kien hemm żieda fl-immigranti fl-Eġittu li talbu assistenza diretta matul din is-sena. Ftit tal-jiem intqal kif l-ammont ta' persuni li telqu mill-Eġittu irduppjaw meta mqabblin mal-istess perjodu s-sena ta' qabel u issa laħqu aktar minn 7,000 persuna.
Bis-sitwazzjoni qed tkun analizzata, voluntier li tkellem magħna qalilna li, "Kollox jindika li l-vjolenza fuq persuni fil-Libja u nuqqas ta' alternattivi għar-rotta Libjana, qed twassal biex persuni Afrikani jivvjaġġaw lejn l-Eġittu. L-immigranti qed jaħsbu, li l-Eġittu hu aktar sigur."
Il-kwistjoni tas-sigurezza bejn l-Eġittu u l-Libja hi kkonfemata minn stħarriġ li sar f'dawk li huma imwiet ta' immigranti f'dawn iż-żewġ pajjiżi. Informazzjoni minn Mixed Migration Monitoring Mechanism Initiative (4Mi), turi li dawk li wieġbu stħarriġ qalu li kien hemm 876 imwiet bejn Ġunju tas-sena 2015 u Ġunju ta' din is-sena. Fl-Eġittu kienu rappurtati 100 każ ta' mewt. Fil-Libja l-imwiet kienu madwar il-pajjiż kollu l-aktar f'żoni fejn jgħixu l-immigranti, waqt li fl-Eġittu l-imwiet kienu fil-Kajr u f'Aswan.
Fl-Eġittu, in-nisa Afrikani jidher li aktar għandhom prospetti li jsibu xogħol, fejn ħafna jsibu jaħdmu bħala ħassiela jew jieħdu ħsieb it-tfal. Irġiel Afrikani imma jsibu problemi biex jaħdmu. Dan qed iwassal biex hemm ħafna immigranti irġiel maqbudin fl-Eġittu.
Jidher għalkemm sa issa ftit li xejn saru kummenti f'dan is-sens, li hemm tħassib li wara li sar
Il-Kap tal-Frontex, Fabrice Leggeri ikkummenta ukoll dwar il-vjaġġi mill-Eġittu. Hu ddeskriviehom bħala 'inkwetanti' u dan minħabba li l-vjaġġ mill-Eġittu hu twil.
Quddiem din iż-żieda, Leggeri kien esprima x-xewqa li jkun hemm aktar koperazzjoni mal-awtoritajiet Eġizzjani. Hu iżda rrimarka li ż-żieda li kien hemm fil-vjaġġi mill-Eġittu mhux bilfors li tfisser bidla fix-xejra tal-vjaġġi.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home