Ħmieġ u skart f'Buġibba: Xi ħadd irid jerfa' responsabbiltà
- Tony Coleiro, konsulent fil-qasam turistiku
Hekk kif fl-aħħar sigħat kompla ir-rimi ta' skart illegali f'ċerti żoni f'Buġibba, il-konsulent dwar it-turiżmu, Tony Coleiro wkoll ikkummenta fuq is-sitwazzjoni ta' nuqqas ta' ndafa f'ċerti żoni f'Buġibba. Hu ddikjara li "tal-mistħija xi ħadd irid jerfa' responsabbilità". Hu qalilna li "żona turistika bħal dik u dejjem bl-iskart. Xi ħadd għandu jerfa' responsabbilità." Intant f'rapport li xxandar f'inewsmalta.com ftit jiem intqal li fost lukandieri, sidien ta' ħwienet u anke eks uffiċjali pubbliċi, l-uniku soluzzjoni li jaraw biex tkun kontrollata l-pjaga tal-ħmieġ u skart mormi illegalment f'Buġibba u anke postijiet oħra hi dik tal-infurzar.
Lukandieri li lbieraħ għamel kuntatt magħhom inewsmalta.com ilmentaw mill-istat li tinsab fih Buġibba b'mod partikolari in-nuqqas ta' ndafa. "Kienu ssemmew il-Gwardjani Ambjentali. Saru iżda l-problema kibret mhux naqset. Nara biss soluzzjoni waħda, dik ta' infurzar strett. Jekk irridu nagħmlu qabża fil-kwalità, dan hu l-pass li rridu nieħdu, jiġifieri rondi mill-Pulizija." inewsmalta.com hu infurmat li xhur ilu, l-kunsill ta' qabel dan li hemm elett illum kien kiteb lill-banek tal-lokal biex jgħinu lill-kunsill finanzjarjament biex tiddaħħal sistema ta' infurzar bil-Pulizija. Din il-proposta kienet tara li jkun hemm żewġ pulizija extra f'San Pawl il-Baħar erba' sigħat kuljum u lil dawk ikun indikat lilhom il-postijiet li hemm problema fihom ta' rimi ta' skart. Din l-proposta ma sabet l-ebda appoġġ mill-istess banek. Quddiem il-fatt li l-kunsill qed jgħid li għandu bżonn aktar fondi, u bil-Gvern jgħid li qed jitnaddfu żoni prominenti mill-gvern u li żoni oħra huma responsabbilità tal-kunsill, ir-residenti qed jintalbu biex jiġbdu r-ritratti tal-iskart u jitfgħuhom fuq is-siti soċjali bl-għan li ssir aktar pressjoni.
Tkellmu ma' inewsmalta.com żewġ lukandiera, b'wieħed minnhom jgħidilna li "l-kwistjoni tal-ammont ta' barranin qed iżżid il-problema. Biss hemm żoni oħra residenzjali li fihom jgħixu l-Maltin li tarahom inkallati. Ftit żmien ilu konna ngħidu li din hi kultura tagħna u li qiegħda fil-mentalità. Imma llum nafu li hawn lokalitajiet bħall-Birgu ngħidu aħna, li l-problema tal-iskart irnexxielhom iġibuha fix-xejn. Dan sar għax in-nies huma konxji mill-indafa. L-istess irid isir fuq San Pawl il-Baħar u Buġibba. Ma dan nemmen li hemm bżonn infurzar fosthom b'kameras fiż-żoni problematiċi, għax irridu ngħidu li hawn żoni f'Buġibba li huma ndaf u mhemmx problemi fihom." Lukandier ieħor qal li "ilna snin nitkellmu fuq din il-problema. Din is-sena qisu kompliet kibret. Jien naħseb li għandna nħarsu lejn sistemi li użaw pajjiżi magħrufin għall-indafa tagħhom. Jiġini f'moħħi Singapore. Hemm multi qawwijin għal ewwel offiża u dawn dejjem jiżdiedu. Nagħmilha ċara ma jagħmilx sens li jitwasslulna messaġġi mill-awtoritajiet turistiċi fil-pajjiż biex fejn naraw skart nirrappurtaw. Jekk se noqogħdu naraw l-iskart nirrappurtawh u wara niġbru, naħseb li nkunu qed nagħtu messaġġ ħażin. Hemm bżonn infurzar strett. F'Singapore teħel $1,000 jekk tinqabad tarmi barra. Jekk terġa' tinqabad għat-tieni darba teħel €5,000. Wara tista' anke tintbagħat xogħol fil-kommunità. Teħel €100 għal min jarmi chewing gum fi triq u talli tonqos milli tifflaxxja t-tojlit teħel $100. Hemm spezzjonijiet regolari mill-Pulizija. Ir-riżultat hu li għandhom wieħed mill-aktar postijiet indaf". Bl-infurzar biss insibu tarf tal-iskart mormi illegalment - l-eks-Sindku Ray Tabone L-eks-Sindku ta' San Pawl il-Baħar Ray Tabone, spjega lil inewsmalta.com li l-unika soluzzjoni li jara hi dik li jkun hemm infurzar mill-Pulizija. Hu spegalna li kien kiteb lill-banek fil-lokal biex jgħinu lil kunsill fl-ispiża biex ikun hemm żewġ pulizija extra fil-lokal li xogħol ikun infurzar fuq l-indafa. Qal iżda li baqa' bla tweġiba dwar il-proposta tiegħu. Hu qal li "irridu nkunu prattiċi. L-ispezzjonijiet tal-Pulizija jkunu għall-għarrieda u f'postijiet differenti. Mhux bilfors kuljum imma importanti f'ħinijiet differenti. Tindika l-kantunieri u l-postijiet li fihom ikun qed isir l-abbuż. Jien din kemm-il darba ssuġġerejtha u anki meta kont sindku. Iżda dejjem ittir mar-riħ, qisna nibżgħu li jsir dak il-pass mill-awtoritajiet."
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home