Wednesday, August 17, 2016


Fil-periklu f'dik li kienet il-lukanda Jerma

Minkejja li diversi fetħiet tagħha ngħalqu bl-għan li żżomm żgħażagħ u persuni oħra milli jidħlu fis-sit fejn kien hemm il-lukanda Jerma f'Wied il-Għajn, qed ikun hemm okkażjonijiet - ġieli anke billejl - fejn persuni jidħlu f'dan il-bini u jdumu hemm ammont ta' ħin.

F'dan ir-ritratt jidhru żewġ żgħażagħ li ntefgħu fuq strutturi li jagħtu għal barra ta' din il-lukanda u li ġibdu l-għajn ta' diversi persuni minħabba l-periklu li hemm. 


Ta' min jgħid li ftit jiem ilu l-Kunsill Lokali ta' Wied il-Għajn appella lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tieħu dawk il-miżuri kollha meħtieġa biex jitneħħew b'mod permanenti l-periklu, l-inkonvenjent u r-riskji gravi li l-binja abbandunata ta' dik li kienet il-lukanda Jerma qed toħloq għal saħħet in-nies u l-interess pubbliku.

F'ittra li bagħat liċ-Ċermen tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-Kunsill saħaq li din l-istruttura mostruża u bla użu għandha tiġi kkundannata u għandha titwaqqa' minnufih, anke jekk il-permess għall-iżvilupp li hemm propost biex isir flokha jibqa’ pendenti. 

Il-Kunsill qal li jittama li l-Awtorità tal-Ippjanar tilqa’ din it-talba u tieħu azzjoni b’mod urġenti fl-interess tal-ħarsien tas-saħħa pubblika u għall-ġid tal-lokalità kollha li tinkludi r-residenti kif ukoll dawk kollha li jżuru l-lokalità kif ukoll fl-interess nazzjonali ta' pajjiżna. Għaldaqstant, talab biex jittieħdu l-passi kollha bla aktar telf ta’ żmien.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home