Il-Forti fil-Kalkara jeħtieġ salvatur
Wieħed mill-fortifikazzjonijiet li jdawru l-Kottonera huwa l-Forti Salvatur, li jinsab eżattament fid-daħla tal-Kalkara. Fortizza li dawra madwarha minn barra wkoll turik li tinsab fi stat ħażin ħafna. Ġurnalist u fotografu ta' inewsmalta.com fl-aħħar jiem marru fuq is-sit fejn setgħu jaraw li dan il-forti mhux biss jinsab fi stat ħażin ħafna imma qed iservi biex fih jintefa' kull tip ta' imbarazz u ħmieġ. Fuq is-sit hemm għadd ta' strutturi ta' konkos, planki u pallets tal-injam flimkien ma' skart ieħor. Mhux faċli tidħol f'parti min din il-fortizza għax biex isir dan trid tgħaddi minn qalb għadd ta' siġar, u mbagħad tinżel ma' ħadid li hemm biex tidħol f'din il-fortizza mill-isbaħ.
F'xi partijiet minnhom għadhom jidhru għalkemm fi stat ħażin ħafna, tpinġijiet dekorattivi mal-ħitan. Kif jixhdu r-ritratti fuq ġewwa wieħed jista' jara għadd kbir ta' planki tal-konkos, strutturi oħrajn tal-konkos li nbnew u li mhux kompatibbli ma' dan il-forti flimkien ma' sinjali ta' degradazzjoni tal-istess fortizza. F'parti minn din il-fortizza, stajna naraw li inbidlet f'żona fejn jitrabbew iż-żwiemel. Il-parti l-oħra li tinsab fuq in-naħa l-oħra tat-triq hi mitluqa u kif dħalna ġewwa stajna naraw grada magħluqa u warajha ħafna planki peress li din il-fortizza serviet għal xi żmien bħala fabbrika tal-konkos.
Individwu li għandu għal qalbu l-wirt storiku tal-Kottonera qalilna li "naf li kemm il-darba tqajmet il-kwistjoni mal-awtoritajiet dwar dan il-forti u l-istat li jinsab fih. Kien jissemma li dan kien ingħata għal perjodu ta' żmien lil kumpanija privata tal-konkrit. Nittamaw li tinstab soluzzjoni u dan il-forti jingħata r-restawr li jixraqlu. Kif nistgħu nħallu dan il-forti f'dan l-istat?" qalilna l-istess resident.
Kien fis-sena 1724 meta l-Gran Mastru Manoel de Vilhena kien ta ordni li jinbena forti ġdid fl-inħawi tad-daħla tal-Kalkara. L-għan tal-forti kien biex joffri kenn lill-Birgu u jagħti protezzjoni minn fuq il-Port il-Kbir.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home