Oġġezzjonijiet għal pjani biex titwaqqa' binja ta' difiża ta' żmien l-Ingliżi
Wara li L-ORIZZONT kien żvela kif binja storika ta' difiża f'San Ġwann tinsab b'theddida li tinqered darba għal dejjem, kemm il-Kunsill Lokali ta' San Ġwann kif ukoll Heritage Malta oġġezzjonaw għal dan l-iżvilupp. L-ORIZZONT hu infurmat li l-kunsill lokali ta' San Ġwann oġġezzjona mal-Awtorità tal-Ippjanar u qal li din l-istruttura ta' difiża m'għandhiex titwaqqa' imma għandha tkun konservata u skedata. Il-kunsill qal li l-proposta ta' żvilupp tmur kontra regolamenti tal-ippjanar li huma intiżi biex iħarsu l-biodiversità, l-wirt kulturali u dak ġeoloġiku.
L-ORIZZONT hu ukoll infurmat li Heritage Malta kitbet lill-Awtorità tal-Ippjanar fejn dawn waqt li rreferew għar-rapport mxandar minn dan il-ġurnal dwar din il-binja, qalu li qed joġġezzjonaw għal dan l-iżvilupp. Din l-istruttura inbniet fuq il-bini tradizzjonali rurali ta' pajjiżna u dan biex ma tagħtix fil-għajn fil-gwerra. Kienet parti integrali mid-difiża ta' pajjiżna. L-applikazzjoni ta' żvilupp fis-sit ta' din il-binja qajmet rabja fost dawk li għandhom għal qalbhom il-wirt storiku.
L-ORIZZONT kien irrapporta li immedjatament il-Fondazzjoni Wirt Artna oġġezzjonat mal-Awtorità tal-Ippjanar. Ray Bondin, espert fil-wirt storiku ta' pajjiżna kien jikkummenta li din l-istruttura għandha tinżamm. Fondazzjoni Wirt Artna fl-oġġezzjoni tagħhom qalu li "din l-istruttura għandha tkun miżmuma u mhux imwaqqgħa." Kien qalet ukoll li "din il-binja hi ta' valur storiku u ta' importanza arkitettonika. Din inbniet fil-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija biex tiddefendi lill-gżira mit-theddida ta' attakki bl-ajru. Din il-fortifikazzjoni tifforma parti mit-tielet linja ta' difiża li kienet ġiet ippjanata għal Malta.
Din l-istruttura ġiet iddisinjata biex taġixxi waħedha f'każ ta' invażjoni. Illum ftit fadal strutturi ta' dan it-tip u din l-istruttura hi waħda mill-aħjar eżempji li għandna." Il-binja tikkonsisti f'binja rettangolari fis-sular ta' isfel fejn m'hemm ebda twieqi. Imbagħad hemm turretta f'wieħed mit-truf tal-binja. Fit-turretta hemm xquq mad-dawra kollha. Jidher li oriġinarjament inbnew madwar 200 struttura minn dawn. Ħafna minnhom spiċċaw inqerdu maż-żmien. Hu kkalkulat li fadal inqas minn 100 struttura minnhom. L-istruttura tinsab fi Triq Emvin Cremona u l-proposta ta' żvilupp tikkonsisti fil-bini ta' sitt garaxxijiet taħt l-art, żewġ maisonettes u seba' appartamenti fuqhom.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home