Iż-Żonqra tal-Mil 'tisparixxi' mill-Misraħ taż-Żejtun
Fit-toroq fil-kampanja f'Malta kultant għadek tara strutturi li saru fi żmien l-Ingliżi magħruf bħala 'Żonqra tal-Mil'. Kienu strutturi li juruk id-distanza bejn il-Belt Valletta u l-post fejn tkun qiegħed. Minn dawn kien hemm anke fil-imsieraħ ta' kull raħal. Iż-Żejtun ma kienx eċċezzjoni fih kien hemm waħda minn dawn iż-Żonqra tal-Mil, li kienet tneħħiet. Ġara iżda li l-kunsill f'inizjattiva li kien beda 16-il sena ilu, kien poġġa Żonqra tal-Mil li kien hemm fi triq rurali fil-misraħ. Dan bħala parti minn mużew miftuħ li beda jagħmel il-kunsill f'dan l-istess misraħ. Biss fl-aħħar ġimgħat din iż-Żonqra tal-Mil spiċċat f'nofs kontroversja u dan għax l-Awtorità għall-Ippjanar ma kinitx se toħroġ il-permessi biex isir tisbiħ fil-misraħ jekk iż-żonqra tal-mil ma titneħħiex u titpoġġa lura f'postha. Konsegwenza ta' dan min fl-aħħar jumejn għadda mill-misraħ taż-Żejtun seta' jinnota li din sparrixxiet minn hemm. Kienu diversi dawk li staqsew dwarha.
L-ORIZZONT hu infurmat li filfatt din iż-Żonqra tal-Mil reġgħet tpoġġiet lura f'postha fi triq rurali li tagħti lejn Ħal Tarxien. F'kummenti lil L-ORIZZONT il-kunsill qalilna li "l-kunsill qatt ma basar li minflok għajnuna se jsib tfixkil minn interessi diffiċili biex tifhimhom. Il-kunsill lokali qed jistenna li Heritage Malta u Wirt iż-Żejtun ikunu ta' appoġġ biex jekk dak oriġinali ma jistax jinstab insibu sostitut biex jitpoġġa f'Misraħ ir-Repubblika biex jitgawda minn kulħadd." Kollox imur lura għal sittax-il sena ilu meta l-kunsill lokali taż-Żejtun kien nieda proġett biex fil-Misraħ tal-Knisja jitpoġġew tifkiriet storiċi li jkunu adattati għal barra u dan biex jinħoloq mużew miftuħ. Quddiem dan, il-kunsill kien ħa ħsieb li Żonqra - ġebla tal-mil li kienet fi Triq Ħal Tarxien titqiegħed f'Misraħ ir-Repubblika.
Din kienet apprezzata ferm minn nies tal-lokal. Biss inqala' l-intopp dwar din iż-Żonqra meta l-kunsill beda jaħdem għal paviment ġdid fil-misraħ. Il-pjani jinvolvu ukoll li l-misraħ ikun imsebbaħ u dan billi titpoġġa mill-ġdid replika tal-pompa tal-ilma fil-bankina ta' taħt il-misraħ. Ġara li l-Ministeru għall-Infrastruttura lesta kollox u dan bi qbil mal-kunsill, il-knisja u dawk kollha li jagħmlu użu mill-misraħ. Saret applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar izda kien hawn li inqala' intopp. Dan minħabba li l-Awtorità għall-Ippjanar (MEPA) bdiet tesiġi li ż-Żonqra tal-Mil għandha tmur lura f'postha fi triq rurali li tagħti lejn Ħal Tarxien. Bla permess il-proġett jinsab wieqaf u kien għalhekk li l-kunsill mingħajr telf ta' żmien qala iż-Żonqra minn taħt iż-zuntier u reġa' poġġieha fejn kienet. Dan il-każ imma qed joħloq sitwazzjoni kontroversjali u dan għax tlett snin ilu f'Tas-Sliema kien hemm sitwazzjoni tixxiebaħ iżda din ġiet trattata b'mod differenti.
F'Tas-Sliema 'iva'...'fiż-Żejtun le'
Filfatt tlett snin ilu l-Kunsill Lokali ta' Tas-Sliema b'sens ta' apprezzament stroiku, bl-għajnuna ta' Sliema Heritage Society u Heritage Malta kienu akkwistaw żonqra tal-mil u ħallewha f'rawndebawt magħrufa bħala 'Ta' Tliet Siġriet'. Għal dan il-proġett ħadd ma sab oġġezzjoni u kien ġie mfaħħar minn kulħadd. Dawn il-pilastri taż-żonqor kienu saru fil-bidu tal-ħakma Ingliża. Minnhom kien hawn ħafna imxerrdin ma' toroq ewlenin kemm fl-urban kif ukoll fl-inħawi rurali. Fuqhom kien hemm imnaqqxin il-kliem 'Miles from Valletta'.
Permezz tagħhom kont tkun taf kemm il-mil kont bogħod mill-Belt Valletta. Meta fil-gwerra kien hemm il-biża ta' invażjoni Nażista, bil-ġiri l-kliem kollu ġie mtajjar biex ma jkunx ta' għajnuna għall-għadu. Hekk is-sinifiakt tal-post eżatt spiċċa u spiċċaw kollha l-istess. Baqa' biss is-sinifikat storiku. Sfortunatament dawn kienu mħawwlin fil-ħamrija, u fil-maġġoranza tagħhom spiċċaw misruqin. Ħafna minnhom spiċċaw f'qiegħ il-baħar bħala rmiġġ biex magħhom jintrbtu l-bagi. Ta' min jgħid li f'kull misraħ ewlieni l-Ingliżi kienu poġġew waħda. Fiż-Żejtun kienet tpoġġiet f'Misraħ ir-Repubblika, kantuniera ma' Triq Santa Katerina. Filfatt din għadha tidher f'ritratti antiki. Tneħħiet fis-snin sittin billi kienet saret xkiel għan nies f'kantuniera ferm perikoluża. Sfortunatament ħadd ma jaf x'sar minnha. Id-deċiżjoni tal-kunsill lokali sittax-il sena ilu kienet marbuta mal-fatt li ż-żonqra tal-mil ta' Triq Ħal Tarxien kienet fi triq rurali b'riskju kbir li tinsteraq.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home