Saturday, August 27, 2016


"Tlifna parti minn ħajjitna" - Taljani u Maltin li jgħixu fiż-żona tat-terremot

Is-sitwazzjoni fiċ-ċentru ta' l-Italja baqgħet waħda inċerta għall-aħħar hekk kif l-aħħar sigħat kienu diffiċli ħafna għal persuni li jgħixu fiż-żona milquta mit-terremot u madwarha.  Kienu sigħat li fihom inħassew għadd ta' theżżiżiet qawwija. Bini ieħor spiċċa waqa'. Aktar djar spiċċaw kkundannati. Dan kien it-tielet jum li fih familja Maltija li tinsab ftit kilometri biss, kellha tqatta l-lejl torqod barra eżattament fil-karozza. Fi kliemhom stess, 'għajjenin ħafna."  Konxji mill-fatt li wara terremot ikun hemm aktar theżżiż, il-mod kif qed tiżviluppa s-sitwazzjoni huma ddeskrivewha bħala li "hi waħda ta' biża kontinwa' u 'inċertezza'. L-ORIZZONT matul il-ġurnata tal-bieraħ għamel kuntatt ma' diversi Taljani milqutin direttament mit-terremot. Jiddikjaraw li jħossu li tilfu parti minn ħajjithom f'dawn it-tlett ijiem. "Id-dar, ħwejjeġ u l-ilbies jiġu. Imma f'dawn il-jiem tlifna il-kuntentizza." Oħrajn qalulna kif ftit snin ilu kienu telqu miż-żona ta' l-Aquila fejn kien seħħ terremot qawwi, biex xorta kellhom jesperjenzaw dan it-terremot deskritt bħala vjolenti.

    Nitkellmu ma' Paola, li toqgħod qrib ħafna ta' Amatrice. Tgħidilna li "kien terremot vjolenti. Kien hemm theżżiż wara. Is-sitwazzjoni hi tara nies jorqdu barra jew għand ħbieb tagħhom. Hemm oħrajn ma tilfux djarhom imma ma jistgħux jidħlu fihom. Iż-żoni huma magħluqin. Hawn biża u inċertezza kbira. Trid tqis li hawn kienu postijiet turistiċi.  Postijiet imfittxijin ħafna. F'daqqa waħda nqered kollox." Hi kompliet tgħidilna li "din kienet ġimgħa fejn Amatrice kienet se tiċċelebra il-ħamsin sena mil-platt li għamilha famuża l-Ispaghetti all amatriciana. Is-Sibt u l-Ħadd fil-pjazza kien se jkun hemm festa sħiħa fejn ikun servut l-ispaghetti flimkien ma' baned u mużika.  Minn arja ta' festa sirna ċimiterju. Dulur kbir".

    "Tlaqna mill-Aquila minħabba t-terremot u ffaċċjajna ieħor"

    Zoe Boccabella titkellem dwar it-tieni trawma f'temp qasir ta' żmien. 'Mhux insib kliem biex niddeskrivi s-sitwazzjoni. Xena bħal tal-gwerra.     Hawn nies li ftit snin ilu telqu miż-żona ta' l-Aquila minħabba dak it-terremot qawwi li kien sar.  Telqu bl-għan li jinsew dik it-trawma u biex ikunu aktar siguri. Ftit snin wara esperjenzaw l-istess trawma."

    "Ħriġt ħajja mit-tifrik…tlift biċċa  minn ħajti"

    Wieħed mill-postijiet milqutin u li fih saret ħerba sħiħa kien Accumoli. Post li fih kien hemm għadd ta' vittmi għalkemm dawn ma jammontawx daqs dawk f'Amatrice.  Roberta Paoloni b'qalbha maqsuma tgħid li "ħriġt ħajja minn taħt it-tifrik. Inħoss li f'dawk il-ftit sekondi tat-terremot tlift parti minn ħajti.  Inħoss li parti minni se tibqa' midfuna taħt it-tifrik. Ma tliftx biss id-dar, l-ilbies u oġġetti personali . Dawn huma affarijiet li tirkuprahom. Tlift parti mill-kuntentizza. Mort niġbor xi affarijiet personali".

    Tgħid li "se tibqa' f'moħħi l-esperjenza ta' meta kont fi pjazza San Franġisk. Rajna dar taqa'. Ma stajna nagħml xejn.  Mietet l-omm u żewġt itfal tagħha. Inħoss li għadni ħajja b'miraklu." Ma tonqosx li tesprimi r-rabja lejn il-politiċi. 'Ma rridx nara politiċi li jiġu hawn jagħmlu l-cat walks. Aħna rridu għajnuna ta' veru". Tenfasizza li "imdejqa ħafna għax tlift ħafna minn ħbiebi".

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home