Sunday, September 25, 2016


Id-dar tal-bebbux fi stat tal-biki

 
Dar unika f’Malta għandha l-faċċata u l-ġenb tagħha b’disinji elaborati li saru bl-użu tal-bebbux u qxur oħrajn tal-baħar. Faċċata li tispikka mill-ewwel fiċ-ċentru ta’ Ħal Għaxaq. Minkejja dan,  meta tifliha sew tinduna li ż-żmien u l-elementi naturali affettwaw sew is-sbuħija tad-disinji b’xi wħud anke ttieklu jew waqgħu. 
    Din il-binja, li mhix skedata, qed tqajjem l-interess lokali biex tiġi indokrata u ppriservata. Ħafna qed jistaqsu x’qed jistennew l-awtoritajiet kompetenti biex jaraw li din il-proprjetà tiġi skedata. Minkejja l-insistenza fl-aħħar snin biex din id-dar tiġi rrestawrata, anke bl-użu ta’ fondi apposta għal bini ta’ importanza, din id-dar magħrufa bħala “d-Dar tal-Bebbux” dejjem spiċċat twarrbet.
    It-TORĊA infurmata li dan qed isir minħabba li skema ta’ restawr inkwistjoni tesiġi li dan isir fi żmien sitt xhur, xi ħaġa li titqies impossibbli f’dan il-każ, minħabba l-preċiżjoni li titlob aktar żmien. Jirriżulta li l-bebbux u l-qxur tal-baħar, li jieħdu post dawk li huma neqsin, iridu jinġiebu minn barra.
    “Regolament, burokrazija, għidlu li trid li qed iwassal biex din id-dar unika tibqa’ tinqabeż. Spiċċajna biex bini li kien fi stat ħafna aħjar minn din id-dar, ġie rrestawrat. Din id-dar minħabba l-kwistjoni marbuta maż-żmien tar-restawr qed tibqa’ titwarrab,” qalilna resident li joqgħod fl-istess triq.
    “Titkellem ma’ min trid f’Ħal Għaxaq, jgħidlek kif qed taqa’ din il-faċċata unika. Waqt li qed isir dan, l-awtoritajiet li joħorġu dawn l-iskemi, qed ifettqu fuq il-kwistjoni ta’ kemm se jdum ir-restawr. Wasal iż-żmien li min hu inkarigat jara li l-fondi jingħataw. Nafu li reġgħet saret applikazzjoni biex din tikkwalifika għall-fondi ta’ restawr. Nittamaw li did-darba, ‘id-Dar tal-Bebbux’ ma tinqabiżx”.
    Ix-xogħol bil-bebbux fuq din id-dar kien sar minn sid id-dar fil-bidu tas-Seklu 19 meta d-dar kienet għadha tintuża bħala ħanut tax-xorb. Id-disinji fil-faċċata tal-binja jifformaw ħafna simboli konnessi mal-Passjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu, fosthom l-14-il stazzjon tal-Via Crucis.
    Il-persuni li hemm joqogħdu f’din id-dar qablu u aċċettaw li jsiru interventi ta’ restawr biex il-faċċati jiġu rranġati. Il-Kunsill Lokali ilu wkoll jagħmel pressjoni għal dan il-għan, iżda s’issa il-fondi għar-restawr baqgħu ma waslux.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home