Sunday, November 6, 2016

"Ebda permess lir-Russi għar-'refuelling' f'Malta"

Bastimenti tal-gwerra Russi li daħlu fil-Mediterran fi triqithom għas-Sirja …
Fis-sigħat li ġejjin minn qrib Malta se jgħaddu bastimenti tal-gwerra Russi fosthom l-aircraft carrier Admiral Kuznetsov. Dawn il-bastimenti għadhom kif kienu involuti f'kontroversja sħiħa fi Spanja fejn saru għadd ta' protesti wara li intalab permess biex dawn il-bastimenti jidħlu fil-port ta' Ceuta fi Spanja. Bir-Russi jirtiraw  it-talba li jidħlu għal fjuwil f'Ceuta, kien hemm min beda jargumenta li r-Russi probabbilment jitolbu li jidħlu għal fjuwil f'Malta.
 Kelliem uffiċċjali għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru, meta mistoqsi dwar dan minn L-ORIZZONT, anke quddiem talba li bdiet tintbagħat lill-Gvern Malti biex ma jaċċettax dawn il-bastimenti, qalilna ċar u tond li "mhux se nagħtu permess ta' refuelling f'Malta".
Hekk kif sar magħruf li dawn il-bastimenti Russi kienu se jidħlu fil-port ta' Ceuta fi Spanja, bdiet pressjoni minn pajjiżi tan-NATO fuq il-Gvern Spanjol. Aktar tard il-Ministru ta' Difiża Russu qal li ma ntbagħtet ebda talba biex l-aircraft carrier Admiral Kuznetsov jingħata fjuwil f'Ceuta.

F'dikjarazzjoni li nħarġet mir-Russja, il-Ministeru ntqal li rigward il-bastimenti Russi, ġie kunsidrat li jkun hemm ftehim  biex il-bastimenti jidħol fil-port ta' Ceuta għal servizzi ta' manutenzjoni. 
Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Spanjol qal li hu kien ta permess biex il-bastimenti jidħlu fil-port Spanjol bejn it-28 ta' Ottubru u 2 ta' Novembru. Hu qal li waqfiet simili ta' bastimenti Russi f'portijiet Spanjoli ilu jsir is-snin. Ġara li wara l-protesti u l-kontroversja il-Gvern Russu irtira t-talba.  In-NATO kienet esprimiet tħassib minħabba li dawn il-bastimenti setgħu jintużaw biex jattakkaw fis-Sirja bil-possibilità li jintlaqtu persuni ċivili fosthom tfal.
Il-bastimenti għaddew mill-istrett ta' Ġibiltà nhar l-Erbgħa u apparti l-aircraft carrier Admiral Kuznetsov hemm ukoll battle cruise mħaddem b'enerġija nuklejari, żewġ  bastimenti tal-gwerra kontra s-sottomarini u erba' bastimenti oħra.
Hu stmat li mindu bdiet l-offensiva tar-Russi fis-Sirja mietu xejn inqas minn 2,700 persuna ċivili.
 Dak lis seħħ fi Spanja wassal biex wara bdiet tixxerred talba fuq is-sit Avaaz.org li permezz tagħha il-Gvern Malti beda jintalab ma jaċċettax jekk ir-Russi jagħmlu talba biex jieħdu fjuwil minn Malta.
Fuq Avaaz.org qed jingħad li kif fi Spanja twaqqfet assistenza lil bastimenti militari Russi, hekk ukoll għandu jsir f'Malta, hekk kif dawn il-bastimenti fis-sigħat li ġejjin se jkunu għaddejjin minn qrib pajjiżna.
Fuq Avaaz, qed issir sejħa lill-Prim Ministru u lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin biex ma jkunux kompliċi f'din il-gwerra. Fuq is-sit ingħad li tfal Sirjani qed jistaħbew taħt is-sodod minħabba l-bombi Russi, waqt li mijeit oħra inqatlu.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home