''Tliet persuni tekniċi abbord''
Titjiriet ta' tikxif ilhom snin isiru lejn l-Afrika Fost il-ħames persuni li kien hemm abbord l-ajruplan tat-tip Fairchild Metroliner Mark III li ġġarraf fl-ajruport internazzjonali ta' Malta, kien hemm tlett persuni li kienu membri tad-Direttorat Ġenerali għas-Sigurtà Esterna (DGSE), li hu d-direttorat li jiġbor informazzjoni dwar terroriżmu u theddid ieħor għas-sigurtà fi Franza. Għalkemm ma ssemmix sa issa dwar l-ispeċjalizazzjoni ta' dawn it-tlett membri li kien hemm, L-ORIZZONT hu infurmat li dawn it-tlett persuni huma 'tekniċi' speċjalizzati fit-teknoloġija kemm dik marbuta ma' sinjali u anke immaġini. L-ajruplan li ġġarraf, kien ta' CAE Aviation, kumpanija li tispeċjalizza f'missjonijiet ta' tkixxif u sorveljanza. Sorsi infurmaw lil L-ORIZZONT li ajruplani ta' CAE ilhom għal dawn l-aħħar snin jintużaw mill-militar Franċiż għal missjonijiet ta' sorveljanza. Fost il-missjonijiet hemm dik magħrufa bħala 'operazzjoni Barkhane' u l-operazzjoni 'Sabre' li fiha jieħu sehem forzi speċjali Franċiżi.
L-ORIZZONT lbieraħ reġa' mar fuq il-post fejn seħħet it-traġedja, fejn wieħed seta' jara l-ħidma li kienet għaddejja biex jinġabar it-tifrik tal-ajruplan. Il-parti l-kbira tat-tifrik tista' tgħid li inġabar minn fuq il-post. F'kuntatt li għamilna mal-ġurnalist Franċiż speċjalizzat fuq kwistjonijiet ta' difiża, Philippe Chapleau, hu qalilna li "l-ajruplan ta' CAE Aviation Luxembourg kien fuq missjoni ta' sorveljanza. Dan kien se jmur fuq il-Libja jew il-kosta tal-Libja. Ma nistax ngħid x'tip ta' missjoni kienet se tkun. Naħseb li probabbilment kienet se tkun missjoni marbuta ma' interċettazzjoni ta' signali u ġbid ta' ritratti. Dawk it-tip ta' ajruplani, ikunu mgħammrin b'apparat speċjalizzat biex jitwettqu missjonijiet simili". Il-ġurnalist Franċiż qalilna li "l-ekwipaġġ kien kompost minn żewġ eks piloti li kienu membri tal-Forza tal-Ajru Franċiża. Abbord kien hemm ukoll tlett tekniċi li kienu ġejjin mid-DGSE. Issa kien hemm tlett NCO mill-istess DGSE li mietu f'Lulju li għadda fil-Libja meta twaqqa' helikopter." Mistoqsi dwar il-kwistjoni ta' 'ferry tanks' abbord l-istess Metroliner biex itir għal distanzi aktar fit-tul, hu qalilna li "fuq din ma nistax ngħid għax ma nafx". Chapleau iddikjara li "CAE Aviation Luxembourg ilhom itarju missjonijiet ta' sorveljanza għal Franza għal dawn l-aħħar snin.
Missjonijiet simili jinsabu fl-Afrika b'operazzjoni Barkhhane u l-operazzjoni Sabre". Sorsi oħra li tkellmu ma' L-ORIZZONT qalulna li "wieħed hu diffiċli biex ikun jaf eżatt x'kien l-għan tal-missjoni eżatt, iżda nistgħu ngħidu li hi kważi ħaġa ċerta li kellek missjoni ta' sorveljanza fil-Libja. Nafu bil-ħidma tal-Franċiżi fil-Libja u għalhekk mhis sorpriża li regolarment ikun hemm titjiriet ta' sorveljanza". L-istess sorsi ma jonqsux li jirrimarkaw kif każ bħal dan se jibqa' jkun imdawwar b'ħafna mistoqsijiet li jibqgħu ma jiġux imweġbin. Sorsi oħra li tkellmu ma' L-ORIZZONT qalulna li l-ajruplan inkwistjoni kien armat b'diversi sensors. Intant il-Maġistrat Doreen Clarke għalissa issospendiet il-ħidma tagħha fil-Qorti minħabba ħidma konnessa mal-inkjesta f'dan il-każ.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home