L-intervent tal-Eġittu huwa dak li ried l-IS
minn Jake Azzopardi
L-involviment tal-Eġittu fil-kwistjoni Libjana huwa dak li ried l-Istat Iżlamiku (IS). L-imġiba tal-gvern Eġizzjan fil-konfront tal-Iżlamisti jista' faċilment iwassal biex l-IS jiggwadanja rekluti ġodda fl-Eġittu.
Dan qalu Vijay Prashad, storiku xellugi fil-ġurnal The Hindu, fejn daħal fid-dettall tas-sitwazzjoni u l-mod kif din qed tiżviluppa fil-Libja, waqt li kkwota sors mill-Pentagon jgħid li l-Gvern tal-Istati Uniti mhuwiex anzjuż li jintervjeni fil-Libja, u huwa għalhekk li fuq nett al-aġenda Amerikana hemm ir-riarmament u l-iffinanzjar tal-armata Eġizzjana.
Prashad sostna li hija tassew ħolma inġenwa li taħseb li bumbardament mill-ajru jista' b'xi mod isolvi s-sitwazzjoni fil-konfront tal-IS. Aktar minn hekk, l-intervent tal-Eġittu ġie interoretat bħala vjolazzjoni tas-sovranitá waqt li rnexxielu jerġa' jrejjex qasmiet politiċi fil-pajjiż ġar. "Ir-reġjun Mediterranju wasal f'perjodu kruċjali, u strateġiji fit-tul biss jistgħu iħallu l-frott," saħaq Prashad.
L-akbar u l-ewwel intopp li jeħtieġ jissolva hija l-qasma bejn iż-żewġ entitajiet li b'xi mod jiggvernaw- dik fi Tripli li tgawdi l-appoġġ tal-Qatar u t-Turkija, u dik f'Tobruk li għandha l-appoġġ tal-Arabja Sawdija, l-Emirati Għarab Magħquda, l-Eġittu u l-pajjiżi tal-punent. Ma jistax ikollok djalogu, immexxi min-Nazzjonijiet Uniti (NU), jisħaq Prashad, mingħajr ma jinnewtralizza dal-kunflitt intern u mingħajr ma ssir pressjoni fuq il-fazzjonijiet varji.
Ta' min isemmi, li qabel ma eskalat is-sitwazzjoni, u xtered il-filmat tal-21 Eġizzjan jinqatlu mill-IS fi xtajta Libjana, il-Kap tal-Missjoni ta' Sapport tan-NU fil-Libja (UNSMIL), Bernardino Leon, kien wasal biex ikkonvinċa lill-fazzjonijiet Libjani biex isiru taħdidiet li kellhom iwelldu gvern ta' għaqda nazzjonali. Kien baqa' biss li jitħabbru data u post.
Fi kliem l-istoriku Indjan, hemm bżonn soluzzjoni reġjonali għax il-problema hija waħda reġjonali. Speċjalment minħabba l-fatt li l-qagħda kaotika wasslet biex Iżlamisti radikali min-naħa ta' fuq tal-Afrika, isibu refuġju fil-Libja. L-IS diġá qed tgawdi minn rabtiet ma' operazzjonijiet kriminali, li jinkludu traffikar ta' materjal u nies fid-deżert tas-Saħara.
Il-preżenza tal-Iżlamisti radikali fil-Libja tista' tkun dovuta għal ħafna raġunijiet. Fuq quddiem nett, jgħid Prashad, hemm it-tifrik tal-qafas politiku li seħħ wara li l-mibegħda tal-pajjiżi tal-Golf Għarbi lejn Gaddafi ġabet l-intervent tan-NATO, liema intervent ħalla diżastru infrastrutturali fil-pajjiż.
Dan ħalla pajjiż mifrud, b' sezzjonijiet immexxijin minn milizzji differenti, li kellhom l-appoġġ ta' pajjiżi barranin b'interessi differenti. Il-gvern li fforma wara r-rivoluzzjoni baqa' ma rnexxilux jirbaħ il-fiduċja tal-maġġoranza l-kbira tan-nies, waqt li dan ħalla l-armi f'idejn ir-ribelli u ma ħax azzjoni fuq il-biżgħat tal-ħaddiema, l-aktar fl-industrija taż-żejt.
Prashad iqabbel il-tneħħija ta' Gaddafi ma' dik ta' Saddam Ħussejn fl-Iraq, fis-sens illi n-nukleji l-qodma ma ġewx eliminati bil-mewt tad-dittatur, anzi reġgħgu irritornaw bil-qawwa. Fl-Iraq kienu l-partitarji tal-Ba'at (il-partit ta' Ħussejn) li ngħaqdu mal-IS. Prashad isostni, li l-uniku spjegazzjoni għall-ħtif ta' Sirte mill-IS, il-belt fejn twieled u nqabad Gaddafi, hija li l-akbar sostenituri tal-eks-mexxej Libjan saħħew l-armata militanti tal-IS.
Waqt li l-gvern Eġizzjan intervjena bil-qawwa u qed jitlob lill-komunitá internazzjonali li tkompli fejn ħalla hu, il-forzi tal-punent laqgħu l-att unilaterali b'mod pożitiv. L-intervent Eġizzjan "fuq l-IS" ħalla diversi persuni mejtin, inkluż erbat itfal.
Għaldaqstant is-sitwazzjoni ma tistax tkun aktar imbegħda minn dak li jissuġġerixxi Vijay Prashad, biex jinbet sforz komġunt tal-forzi ta' ried atajba u qabel xejn iwaqqfu l-esportazzjoni tal-'ġiħadisti' mil-Libja għas-Sirja, u l-importazzjoni tagħhom minn diversi pajjiżi fil-Libja.
Minn L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home