Reazzjonijiet għal estensjoni ta' Triton u aktar flus lit-Taljani…
'Assolutament xejn mill-Kummissjoni Ewropea'
biex tissolva l-kriżi ta' salvataġġ ta' immigranti"
- John Dalhuisen, Direttur Amnesty International
Diversi rappreżentanti ta' organizazzjonijiet umanitarji ma naqsux li fl-aħħar sigħat jikkummentaw dwar id-dikjarazzjoni li nħarġet mill-Kummissjoni Ewropea dwar is-salvataġġi ta' immigranti, f'liema dikjarazzjoni intqal li l-Kummissjoni Ewropea se tagħti €13.7 miljun f'fondi ta' emerġenza lill-Italja, waqt li l-operazzjoni ta' 'Triton' li hi mmexxija mill-Frontex se tkun estiża sal-aħħar tas-sena. Għal diversi rappreżentanti fosthom id-Direttur ta' Amnesty International għal Ewropa u l-Asja Ċentrali, John Dalhuisen, dak imħabbar mill-Kummissjoni Ewropea mhi se tfisser xejn għas-salvataġġi ta' immigranti. Hu jiddeskrivi dak imħabbar bħala 'assolutament xejn'.
Minn naħa tiegħu, il-Professur Steve Peers, li jispeċjalizza fuq id-drittijiet tal-bniedem fl-Università ta' Exeter, jistaqsi kemm dak imħabbar mill-Kummissjoni Ewropea se jkun biżżejjed biex ma jintilfux aktar ħajjiet ta' immigranti fil-baħar.
Matteo de Bellis, magħruf għal ħidma tiegħu fost l-immigranti f'Lampedusa f'messaġġ li ħareġ lill-Kummissjoni Ewropea jgħid li "rridu soluzzjonijiet u mhux kliem".
Intant il-Kummissjoni Ewropea f'dikjarazzjoni li ħarġet nhar il-Ħamis ħabbret li l-operazzjoni Triton ġiet estiża sal-aħħar tas-sena. Il-Kummissjoni Ewropea qalet ukoll li r-rakkomandazzjonijiet tat-task force għall-Mediterran se jkunu implimentati b'aktar ħeffa. Il-Kummissjoni Ewropea qalet qed tagħti €13.7 miljun lill-Italja mill-fond ta' emerġenza għaż-żieda fl-immigranti.
Ta' min jgħid li l-operazzjoni Triton li ħadet post dik mit-Taljani bl-isem ta' Mare Nostrum, għandha ħafna inqas riżorsi. Waqt li t-Taljani b'Mare Nostrum kienu jaslu sa l-ibħra Libjani f'dak li hu salvataġġ, 'Triton' se tkun ibbażata f'Lampedusa u f'Empedocle u r-rondi se jsiru sa 30 mil l-bogħod mill-kosta bejn Sqallija u l-Kalabrija. Din għamlet il-missjoni waħda ta' kontroll tal-fruntieri aktar milli ta' salvataġġ għall-immigranti, għalkemm tgħid li s-salvataġġ ta' persuni hu prijorità.
Ħafna pajjiżi Ewropej qed jaħslu idejhom jew ikunu indifferenti u sa ma kkonfermawx li se jieħdu sehem fi 'Triton'. Dan kein wassal għal kritika qawwija fosthom mill-Professur u rapporteur tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet Umani, Francois Crepeau. Hu kien qal li 'l-attitudni ta' ċerti pajjiżi Ewropej hi dik ta' ħallihom jegħrqu għax dak hu deterrent'. Crepeau, f'dikjarazzjoni li għamel f'Ġinevra qal li l-fatt li jitħallew immigranti imutu fil-fruntieri mal-Ewropa minħabba l-istatus amminsitrattiv tagħhom, ikun ifisser li huma jkunu qed iwarrbu għal kollox il-valur tal-ħajja umana. Waqt li appella lill-Gvern Ingliż biex jirrikonsidra d-deċiżjoni tiegħu li ma jieħux sehem f'operazzjonijiet ta' salvataġġ fil-Mediterran, Crepeau għamilha ċara li gvernijiet li ma jappoġġjawx sforzi ta' salvataġġ ikunu qed jirriduċu lilhom infushom għall-istess livell tat-traffikanti tan-nies. Dawn qegħdin jilagħbu bil-ħajja tan-nies", sostna Crepeau.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home