Wednesday, April 29, 2015





"L-agħar sitt sigħat ta' ħajti... meta
d-dingi beda  jagħmel l-ilma"
   - immigrant ta' 15-il sena


L-istorja ta' tifel ta' 15-il sena mis-Somalja, li vvjaġġa parti sew mill-vjaġġ waħdu għax sieħbu miet fid-deżert, ħalliet impressjoni fuq għadd ta' rappreżentanti ta' organizazzjonijiet umanitarji li tkellmu miegħu fl-aħħar jiem. Fi kliemu stess, illum iħoss li meta ġie salvat beda jgħix mill-ġdid. Jiddikjara li l-agħar sitt sigħat ta' ħajtu kienu meta d-dinghi beda jagħmel l-ilma.
Delegazzjoni ta' Amnesty International ftit tal-jiem ilu kienet fuq il-gżira ta' Lampedusa u fi Sqallija, fejn tkellmet ma' immigranti salvati fl-aħħar jiem. Kienu jiem li fihom tilfu ħajjithom mijiet ta' immigranti waqt li ġew salvati madwar 10,000  persuna.
Fost l-istejjer rakkontati minn dawk intervistati mill-Amnesty International kien hemm dik ta' tifel ta' 15-il sena mis-Somalja. Sieħbu li kien qed jivvjaġġa miegħu miet waqt il-vjaġġ.
Iż-żagħżugħ, li ma xtaqx li jkun identifikat b'ismu, iddikjara li, "Meta kelli disa' snin, jien kont isseparat minn mal-familja u mort fil-kapitali Mogadishu. Kont ngħix ma' ħbieb tiegħi f'Yaaqshiid, żona f'Mogadishu. Hemmhekk tgħallimt il-lingwa Ingliża u bdejt naħdem innaddaf iż-żraben lis-suldati. Kien  fil-bidu ta' din is-sena li jien tlaqt mis-Somalja. Hemm ħafna problemi hemm. Ġlied, ġuħ u nixfa. Jien kont qed infittex ħajja aħjar. Kont qed naspira li nmur in-Norveġja."
"Kont qed nivvjaġġa ma' ħabib tiegħi. Missieru ħallas lilu u lili biex nagħmlu l-vjaġġi mis-Somalja lejn il-Libja. Kienu vjaġġi twal u diffiċli. Għaddejna minn diversi pajjiżi. L-ivvjaġġar kien permezz ta' trakk 'pick up'. Morna fl-Etjopja, is-Sudan u wara l-Libja. Sieħbi ma rnexxilux jasal. Meta konna fid-deżert tas-Saħara dan waqa' minn fuq wara tat-trakk għax it-trakk kien qed jinstaq b'veloċità qawwija. Waqqafna t-trakk biex naraw jekk hux kollox sew. Sibna li kien miet. Dfinnieh fid-deżert. Kellu biss 19-il sena."
Ikompli jirrakkonta li, "Aktar tard jien għamilt kuntatt ma' missieru biex ngħidlu x'ġara. Kienet konverżazzjoni diffiċli ħafna. Wara tliet xhur vjaġġar wasalna fi Tripli. Għamilna ġimgħa hemm f'dar kbira b'ħafna nies fiha. Dawk li jieħdu ħsieb il-vjaġġi, ipoġġi lis-Somali f'post u lill-Eritrej f'dar oħra. Dawk li jieħdu ħsieb il-vjaġġi kienu jsawtu bl-addoċċ. Kienu wkoll armati bi snieter u pistoli."
Jenfasizza li, "Meta ġejt biex nagħmel il-vjaġġ, ir-raġel inkarigat ried aktar flus mingħandi. Talabni nħallas $1,900. Ma kellix flus u l-familjari tiegħi ma setgħux iħallsu. Spiċċajt ġejt megħjun minn nies oħra li kien hemm fid-dar. Qalulna li d-dgħajsa kienet se tkun tal-fibreglass. Gidbulna għax fil-fatt aħna tpoġġejna fuq dingi."
"Qabel tlaqna kien hemm inċident fi Tripli, eżattament fid-dar fejn konna. Kien hemm xi nies li kienu qed isajru bil-gass. Fil-qrib kien hemm xi nies qed ipejpju. Kien hemm ċilindru li ħa n-nar u sploda. Mietu għaxra min-nies. Difnuhom fi Tripli stess. Kien hemm diversi persuni Eritrej li weġġgħu serjament u nħarqu. Biss dawn kienu sfurzati jitilgħu fuq id-dgħajsa xorta waħda."
"Tlajna fuq id-dgħajsa fis-16 ta' April. Tlaqna minn Tripli f'nofs ta' lejl. Fuq id-dgħajsa konna 70 persuna, 45 mis-Somalja, 24 mill-Eritrea, tnejn mill-Bangladex u tnejn mill-Gana. Għall-ħabta tad-9.30 ta' filgħodu id-dingi beda jagħmel l-arja. Ħafna minn dawk abbord intefgħu fuq quddiem tad-dgħajsa biex jagħmlu pressjoni fuq il-parti minn fejn kienet ħierġa l-arja. Użajna telefown satellari biex nagħmlu kuntatt. Sitt sigħat wara salvawna. Kienu l-agħar sitt sigħat ta' ħajti. Bdejt naħseb li mhux se ngħix aktar. Dawk abbord bdew jitolbu b'leħen għoli. Bdew jitolbu 'l Alla jaħfrilhom. Meta ġejt salvat, ħassejtni qed ngħix mill-ġdid."
Itenni li, "Illum ngħid li għandna kenn. Għandna l-ikel. Nirringrazzjaw lit-Taljani li salvawna. F'Lampedusa rajt tabella li għoġbitni. Kienet tgħid li l-gvernijiet għandhom isalvaw il-ħajjiet u mhux il-fruntieri."

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home