Friday, May 1, 2015



Assim ħdejn il-President tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

'Maqbud f'Malta - bla dokumenti……
…irrid inmur l-Eġittu biex nagħti kilwa lil missieri"
    -   Assim Gera, immigrant Sudaniż


Assim Gera mis-Sudan intasab sa minn kmieni filgħodu fl-entratura taċ-ċentru miftuħ. F'idu kellu karta mitwija.  Kien wieħed minn dawk li daħal isegwi preżentazzjoni li saret lill-President tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Joachim Gauck fir-reception. Segwa ukoll minn distanza, meta l-President Ġermaniż żar il-laboratorju tal-kompjuters.  Fi triqtu lejn id-dormitorju, Assim deher iħaffef il-pass u daħal ma' sħabu. Deher jersaq 'l quddiem kemm jista'. Deher li donnu jrid  iwassal xi messaġġ. Wara li l-President Ġermaniż beda jitkellem ma' immigranti preżenti, Assim ra li waslet l-okkażjoni tiegħu. Kien hawn li waqt li beda jgħid xi kliem mhux daqstant ċari għadda ittra lil President Ġermaniż, li taha daqqa t'għajn. F'dan il-mument Assim ma naqasx li jibda juri l-frustazzjoni tiegħu għal dak li għaddej minnu f'Malta.  'Bla dokumenti'.  'Bla dokumenti. Għandi bżonn il-passaport". 'Maqbud hawn'.  Kien f'dan il-ħin li bdiet tissemma' l-kelma "missieri missieri".
Il-President Ġermaniż, Joachim Gauck, beda jispjega li kien se jara x'inhuma l-ilmenti li fiha din l-ittra u staqsa lid-Direttur tal-Aġenzija responsabbli mill-Immigranti (OIWAS) Alexander Tortell. Dan minnufih infurmah li ċ-ċentru għandu ħaddiema soċjali u professjonisti oħra biex jgħinu lill-immigranti u jidderiġuhom f'dak li jkollhom bżonn.
Sadanittant Assim kien għadu qed jipprova jwassal il-messaġġ tiegħu, bil-President Ġermaniż idur lejh u jinfurmah li kien se jitkellem ma' għaqdiet mhux governattivi dwar l-ilment tiegħu.
L-ORIZZONT tkellem ma' Assim Gera, wara li ntemmet iż-żjara tal-President Ġermaniż fiċ-ċentru miftuħ tal-Marsa.  B'ton ta' ċertu rabja Assim jgħidilna li "maqbud hawn.  M'għandix dokumenti. Xejn. Irrid dokumenti biex ikolli passaport. Ilna erba' snin hawn. Bla dokumenti. Ma nista' nagħmel xejn".
Nistaqsuh jekk għandux status ta' protezzjoni internazzjonali jew ta' refuġjat u jgħidilna li "l-applikazzjoni tiegħi kienet ġiet rifjutata. M'għandix dokumenti. Kif jista' jkolli passaport bla dokumenti?".
Il-mistoqsija li segwiet wara kienet dik ta' jekk hux interessat li jmur f'pajjiż iehor u hu qalilna li "jien irrid nitlaq minn hawn. Irrid inmur l-Eġittu.  Hemmhekk hemm missieri.  Għandi bżonn kilwa.  Jien lest li nagħtihielu.  Imma bla dokumenti u bla passaport kif nista' nmur l-Eġittu?" staqsa Assim.
Minn L-ORIZZONT




0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home