Wednesday, January 27, 2016

Il-parteċipanti tal-purċissjoni tal-Epifanija deskritti bħala 'ħmieġ' u 'annimali'

"Ma tagħmilx maltempata u tkaxkar dan il-ħmieġ 'il barra." "Invadew l-Imsida, okkupaw l-Ospiżju u issa rebħu l-Belt." "Hemm bżonn jiġri d-demm. Hekk forsi ssir xi ħaġa. Missirijietna hekk għamlu u hekk irid isir." "Il-bużbużnanniet tagħna mietu kontra dawn l-annimali biex Malta ġiet tal-Maltin. Iva jekk hemm bżonn niddefendu pajjiżna għax gvernijiet bla sinsla." "Possibbli m'hawn ħadd offiż minn dan il-ħmieġ?" "Allaħares kont hemm għax ħażin kont nispiċċa magħhom." "Daqs dawk nies ġol-Belt ħadd ma indenju ruħu jitfgħalhom il-bajd." Dawn kienu kummenti li nkitbu fis-sit tal-Għaqda Patrijotti b'rabta' ma' purċissjoni li saret nhar il-Ħadd li għadda mill-Insara Etjopjani u Eritrej f'Malta. Dawn kienu qed ifakkru l-festa tal-Epifanija, li f'dawn il-pajjiżi tkun qed tfakkar il-magħmudija ta' Ġesù.
Bi lbies tradizzjonali, tnabar, strumenti mużikali tradizzjonali, umbrelel u b'tapit aħmar fl-art kull fejn għaddew, l-Etjopjani u l-Eritrej f'Malta ċċelebraw il-festa tal-Epifanija. Għal xi ħin niżlu x-xatt tal-Belt fejn kellhom ikla.
Brhane (mhux l-isem proprju għax xtaq li nipproteġu l-identità tiegħu), Eritrean, mitlub jikkummenta dwar dak li nkiteb qalilna li, "Aħna ilna żmien nużaw knisja fiċ-ċentru tal-Belt. Ġieli anke kellna attivitajiet oħra fil-Belt. Din ma kinitx l-ewwel darba. M'iniex sorpriż li jkun hemm kummenti ta' mibegħda lejna. Fil-ħajja ta' kuljum niltaqgħu magħhom. Allavolja aħna nies kwieti, xorta niltaqgħu magħhom. Imma rrid ngħid li b'mod ġenerali l-Maltin jilqgħuna ħafna u jgħinuna.  Sibna għajnuna kbira mill-Maltin."
Jgħidilna li, "Aħna nimxu ma' dak li jgħidilna s-Sid Tagħna. Jgħidilna aħfru. Aħna naħfru lil min jikteb kontrina. Li nixtieq forsi qabel jikteb xi ħaġa, jipprova jidħol fiż-żarbun tagħna. Jara dak li għaddejna minnu. Illum qed ngħixu fil-paċi f'Malta. Illum jien inqis lil Malta bħala pajjiżi."
Ta' min jgħid li l-Liġi Kriminali tgħid ċar u tond li, "Kull min juża kliem jew imġiba ta’ theddid, abbużivi jew insolenti, jew jesibixxi xi materjal miktub jew stampat li jkun ta’ theddid, abbużiv jew insolenti, jew xort’oħra jġib ruħu b’dak il-mod, bil-ħsieb li b’hekk iqajjem vjolenza jew mibegħda kontra xi persuna oħra jew grupp ta’ persuni fuq bażi ta’ ġeneru, identità tal-ġeneru, orjentazzjoni sesswali, razza, kulur, lingwa, oriġini etnika, reliġjon jew twemmin jew opinjoni politika jew opinjoni oħra jew b’hekk joħloq il-probabbiltà li, meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi kollha, titqajjem vjolenza jew mibegħda razzjali, jeħel, meta jinsab ħati, il-piena ta’ priġunerija minn sitt xhur sa tmintax-il xahar.”










0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home