Sunday, January 24, 2016

Multa kienet se terġa’ taqflu ... Il-każ tal-ekspriġunier li ħareġ mill-ħabs b’ta' fuqu senduqu

Il-passi 'l quddiem li kien qed jagħmel l-ekspriġunier li ħareġ mill-ħabs b'ta fuqu senduqu, passi li għamilhom bis-saħħa ta' għajnuna li qed isibu minn voluntieri ta 'Prison Fellowship kienu se jispiċċaw itiru mar-riħ.  Dan hekk kif fl-aħħar sigħat, meta kienu se jżuruh f'daru sabuh qiegħed jippakkja biex jerġa' jidħol fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.
Dan seħħ minħabba li wara li tkompla l-każ tiegħu l-Qorti hu ġie avviċinat minn Pulizija li qallu li kienu se jdaħħluh fil-faċilità korrettiva għax ma kienx ħallas multa. Spiċċa għal darba oħra jiddependi fuq il-karità. Il-voluntier ra li x-xogħol kollu kien se jispiċċa jitkisser fuq sempliċiment multa u għax ma' dan l-ekspriġunier  li hu persuna vulnerabbli kienet qed tintuża riga dritta, fejn donnu ħadd ma ta kas tal-progress li kien qed jagħmel u l-enfasi saret li jew iħallas jew jispiċċa ġewwa.  Quddiem dan, il-voluntier għażel il-loġika - dik li l-ekspriġunier ikompli bit-triq li qabad tar-riforma. Il-multa ħallasielu minn butu l-istess voluntier. 
Il-voluntier Mark Vella meta kuntattjat minn inewsmalta.com qalilna li "jiddispjaċini ngħid li mikn jidħol f'każi individwali. M'hawnx impenn biex persuna tirriforma". Kompla jgħidilna li "l-ħabs għandu bżonn wisa' biex joffri aktar servizzi ta riabilitazzjoni. u aktar professjonisti f''care plans'.  B'total ta' 600 priġunier, il-ħabs dan diffiċli jew impossibli. Meta jingħata pleġġ nixtieq li ssir verifika tal-post fejn il-persuna se tkun toqgħod li jkun abitabli u li l-persuna jkollna l-flus biex tgħix".
Mark jgħidilna li "meta dan l-eks priġunier ħareġ mill-awla sab Pulizija li nfurmah li kellu multa qadima ta' €200  u ma kienx ftakar fiha biex iħallashom. Peress li għaddew sitt xhur  - iż-żmien li fih kellu jħallas, iddeċidew li tiġi kkonvertita f'ħabs. B'qalbu maqsuma talab lill-Ispettur biex itih ċans sa l-għada. Mort fid-dar tiegħu u nsibu jippakkja l-ħwejjeġ biex jerġa' jidħol il-ħabs. Ma kienx jaf li jien kont sejjer għandu bi ħwejjeġ u ikel. Iddeċidejt u ħriġt l-€200  jien stess.  Taf kemm beka miskin. Qalli ili minkejja l-għaqal kont se nitlef kollox. Jixtieq qassis biex ibierku u jberiklu d dar. Talabni nagħmel appell għat-talb biex jibqa' sod u bogħod mill-kriminalità".  
Mark Vella jgħidilna li "ma nafx kif ħadd ma fakkru waqt li kien il ħabs dwar din il-multa? L-għassa ħadd ma jfakkru dwar iż-żmien li fih għandu jħallas il-multa. Tajjeb wieħed ifakkar li kull priġunier fil-faċilità korrettiva ta' Kordin  jiswa €60  kuljum lill-pajjiż. Peress li dan iż-żagħżugħ jiffirma kuljum l-Għassa minħabba l-pleġġ kont nistenna li jfakkruh dwar il multa ta'  €200."
Intant l-ekspriġunier, kiteb ittra lill-istess voluntier li fiha jgħid li "jien kont batut minn kollox. Minn għamara sa anke ikel u sapun. Meta ġew l-ewwel darba ikellmuni fehmu mill-ewwel is-sitwazzjoni tiegħu u raw id-dar  u l-mod kif kont qed ngħix.  Innutaw li verament għandi bżonn u bdew billi għamluli xirja u għal grazzja t'Alla dak il-ħin bdejt inħoss kuntentizza kbira. Irringrazzjajt l-Alla ta' kemm il-darba tlabtu u semagħni. Kelli l-aħjar Milied f'dawn l-aħħar għaxar snin u l-ġurnata meta kellu għeluq snini qattajtu magħhom u ħaduni niekol u tawni riġali sbieħ ħafna. Veru apprezzajt dak kollu li qegħdin tagħmlu miegħi. Mark Vella tal-Prison Fellowship għadu jieħu ħsiebi sal-ġurnata ta' llum u veru  jagħmilli kuraġġ u jġiegħlni nersaq aktar lejn Alla għax kont ili ma nitlob. Kont qed naqta' qalbi imma Il-Mulej bagħat lil Mark Vella u vera nħossni fil-paċi ta' Alla meta nitkellem miegħu".

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home