Wednesday, January 20, 2016

Il-KAY miżmum... imfittex għal €45 miljun

Il-bastiment  KAY, li għal ħafna jqanqal mistoqsijiet minħabba li ilu ftit mhux ħażin ankrat f'baċir ta' dik li kienet il-Malta Shipbuilding, issa jinsab miżmum u ma jistax jitlaq minn pajjiżna. Fuq dan il-bastiment, hemm talba għal ħlas ta' xejn inqas minn €45 miljun. Fi kliem espert marittimu li tkellem magħna, "Dan il-bastiment ilu għal dawn l-aħħar snin jitpoġġa f'portijiet diversi fejn suppost kellu jsir tibdil kbir fih  biex  finalment isir bastiment lussuż tal-passiġġier. Biss il-proġett baqa' ma ġiex mitmum."  Issa l-bastiment jinsab f'battalja legali fejn kumpanija tal-bini tal-vapuri li kienet proprjetà tal-vapur qed titlob ħlas ta' €45 miljun fil-qrati Maltin.
Sa issa għad mhux magħruf x'se jkun il-futur u jekk hux se jitkomplew il-pjani biex dan ikun ikkonvertit f'bastiment tal-passiġġieri lussużi.  Sorsi qalulna li l-bastiment kien ġie mtawwal għal 122 metru u fuqu kienu saru alterazzjonijiet fl-istrutturi ukoll. Biss jidher li qabel tlestew proġett oħra fuq in-naħa ta' ġewwa tal-bastiment, il-proġett kien ġie sospiż. Dakinhar ma ngħatawx raġunijiet.
Il-bastiment kien inġab Malta fl-aħħar tas-sena 2013, fejn l-ispekulazzjonijiet kienu li l-proġett biex dan isir bastiment tal-passiġġieri lussuż jintemm hawn. Finalment iżda hawn ma sar xejn", qalilna l-istess sors.
Dan il-bastiment oriġinarjament kellu l-isem ta' Vladimir Chivilikhin u kien inbena għall-Ministeru tal-Enerġija ta' dik li kienet l-Unjoni Sovjetika. Inbena fis-sena 1990 f'Gydinia  l-Polonja. Dan  il-bastiment hu wieħed minn sitta li kienu nbnew għall-istess Ministeru.
Ġara li ftit wara waqa' l-Komuniżmu u l-bastiment kien trasferit għand Vladivostok Base of Trawling and Refrigeration Fleet. Fis-sena 1998 inbiegħ lil Falklands Investments Ltd u hemmhekk ingħata l-isem ta' KAY.
Minn dakinhar bdew il-pjani biex il-bastiment ikun konvertit f'bastiment tal-passiġġieri lussuż. Sena wara reġa' inbiegħ lil Pacific Seaways SA u fis-sena 2001 kien ittieħed f'Keppels f'Singapore biex isiru l-bidliet fil-bastiment.  Filfatt hemm hekk kienu saru xi xogħlijiet. Fis-sena 2007 kien ittieħed fi Split iżda l-bastiment spiċċa ankrat fi Vranic.  F'Marzu tas-sena 2011, il-bastiment telaq Brodotrogir, iżda anki hawn ftit li xejn sar xogħol fuqu.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home