Wednesday, January 20, 2016




 'Għal ħafna jiem bqajt naħseb fuq it-tifla
li ntefgħet il-baħar u l-ħut jieklu minnha"
      - tifel immigrant



"Meta kont fiċ-ċentru Baobab innutajt tifel żgħir li kien qed jattendi sessjoni ta' informazzjoni. Rajt li qagħad fil-ġenb matul il-ħin kollu tas-sessjoni. Jien kont impressjonat mill-fatt li kien jidher waħdu minkejja l-età żgħira tiegħu. Kif ersaqt lejh beda jitkellem fuq il-vjaġġ tiegħu. Fl-Eġittu ffaċċja d-detenzjoni. Meta kien se jaqbad id-dgħajsa fil-vjaġġ lejn l-Ewropa, hu ra raġel Etjopjan li ma kienx jaf jgħum jegħreq quddiem għajnejn dawk li kien hemm fid-dgħajsa.
"Ġurnata wara, fuq id-dgħajsa sema' ħafna twerżiq minn omm Sirjana. Din kienet qed tipprova tqajjem lil waħda miż-żewġt itfal tagħha. Beda jismagħha tgħajjat isimha u beda jara li bdiet iċċaqlaqha. Oħtha l-oħra kienet qed twerżaq b'mod iddisprat.  It-tifel fehem li dik it-tifla kienet mejta. Il-missier u irġiel oħra Sirjani poġġew il-katavru tat-tifla fit-tarf tad-dgħajsa fejn hemm hekk seta jaraha. Ra d-disperazzjoni ta' l-omm waqt li nisa Sirjani kienu qed ifarrġuha. Rahom ikebbuha. Wara ra li tefgħuha l-baħar.
"It-tifel jgħid li għal ħafna jiem baqa' jaħseb fuq kif il-ħut kienu kielu dak il-ġisem ta' tifla żgħira. Dan il-ħsieb spiss jiġu quddiem għajnejh. Ħolom dwar dan ukoll. Fil-ħin li tkellimt miegħu f'moħħu kellu biss żewġ ħsibijiet, il-ġisem tat-tifla u r-riskju li jeħdulek il-marki tas-swaba'."
Din hi waħda mill-esperjenzi li ġew rakkontati f'rapport li għadu kif ġie pubblikat minn Medecins Sans Frontieres.  Ir-rapport hu intitolat "L-ostakli fil-vjaġġi lejn l-Ewropa".
Fir-rapport tagħhom, Medecins Sans Frontieres (MSF) ikkritikaw il-politika tal-Unjoni Ewropea. Id-Direttur tal-Operazzjoni ta' MSF, Brice de le Vingne, qal li, "Mhux biss l-Unjoni Ewropea u l-Gvernijiet Ewropej b'mod kollettiv naqsu li jindirizzaw l-kriżi, imma l-iffukar tagħhom kien fuq il-politika ta' deterrent flimkien ma' rispons kaotiku għall-bżonnijiet umanitarji  ta' dawk li qed jaħarbu minn sitwazzjonijiet li qed jeħżienu f'pajjiżhom."
Mir-rapport joħorġu testimonjanzi ta' ħaddiema ta' MSF, flimkien ma' informazzjoni medika, flimkien ma' dettalji tal-konswegwenzi umanitarji  tal-azzjonjiet Ewropej.  Mir-rapport joħroġ kif l-azzjonijiet Ewropew u l-ħitan li ttellgħu, sfurzaw lil MSF u lil organizazzjonijiet umanitarji oħra biex iżidu l-attivitajiet tagħhom.
De Le Vingne jgħid li, "Il-fatt li għadd ta' persuni qed ifittxu sigurtà u ħajja aħjar fl-Ewropa mhux xi fenomenu ġdid. Għall-kuntrarju, hu wieħed familjari għal ħafna snin. Imma quddiem il-fatt li fil-bidu tas-sena 2015 hekk kif il-Mediterran beda jinbidel f'ċimiterju, MSF iddeċidiet li ma toqgħodx tħares minn fuq ix-xatt. Fis-sena 2016, il-pajjiżi Ewropej għandhom jaraw l-impatt tad-deċiżjonijiet tagħhom, jassumu r-responsabbilitajeit u jitgħallmu mill-iżbalji tagħhom."
Ir-rapport jiddeskrivi l-ostakoli għall-immigranti biex jidħlu fl-Ewropa, liema ostakoli saru minn gvernijiet Ewropej u mill-Unjoni Ewropea. Dawn l-ostakoli saru għal persuni li qed jaħarbu minn gwerer, persekuzzjonijiet u kunflitti, jgħid id-rapport.
Ir-rapport jgħid ukoll li l-Ewropa ma pprovdiet l-ebda alternattiva għar-rotta tal-mewt fuq il-baħar, spiċċat bniet il-ħitan u proċeduri amminsitrattivia ta' reġistrazzjoni li wasslu għal vjolenza. MSF ikkritikaw  receptions centres li mhumiex adekwati fl-Italja u l-Greċja.  MSF se tibqa' ssejjaħ biex ikun hemm aċċess sigur għall-persuni li jkunu jridu jidħlu lejn l-Ewropa.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home