'Lil hinn mill-busti u l-lapidi….l-Istat isaħħaħ il-pensjoni tal-Pulizija li jweġġgħu jew imutu'
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, fi tmiem id-dibattitu dwar l-Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Pulizija, sellem il-memorja ta' dawk il-Pulizija li tilfu ħajjithom jew weġġgħu waqt id-dmirijiet tagħhom u ddikjara li dan l-abbozz se jkun qed isaħħaħ il-pensjoni ta' dawk li jweġġgħu jew imutu waqt il-qadi ta' dmirijiethom.
Hu semma kif fiċ-ċimiterju hemm bust ta' Pulizija żagħżugħ li jġib id-data 1972 u dan kien għassa ma' bank fl-Imġarr meta nqatel. Qal iżda li, "Lil hinn minn busti u lapidi, dan l-abbozz ta' liġi hu mod aktar tanġibbli kif l-Istat se jirrikonoxxi l-ħidma tal-Pulizija li jsofru minn diżabilità jew jitilfu ħajjithom."
Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, waqt li ddeskriva dan l-abbozz bħala wieħed tajjeb u li l-Oppożizzjoni se tivvota favuru, sellem il-memorja ta' Roger Debattista li kien inqatel waqt li kien fuq xogħlu.
L-abbozz jgħid li jekk uffiċjal tal-Pulizija, mhux minħabba xi nuqqas tiegħu, jiġi mweġġa' b’mod serju waqt li jkun qed jiżvolġi l-obbligi tiegħu u minħabba fit-tali korriment ma jkunx possibbli għalih li jaqdi d-dmirijiet tax-xogħol tiegħu, u jkun ġie ċċertifikat kif meħtieġ mill-Bord dwar il-Korrimenti magħmul minn professjonisti mediċi u professjonisti oħrajn maħtura mill-Ministru responsabbli għall-Pulizija, it-tali uffiċjal jista’ jiġi intitolat għall-ħlas tal-pensjoni daqslikieku għamel il-25 sena servizz:.
Barra minn hekk, jekk uffiċjal tal-Pulizija, mhux minħabba f’xi nuqqas tiegħu, imut b’konsegwenza diretta li jkun żvolġa d-dmirijiet tax-xogħol tiegħu, id-dipendenti tiegħu, sakemm ma jkunx prekluż mill-liġi, ikunu intitolati għall-ħlas tal-pensjoni. Il-ħlas tal-pensjoni għandu jiġi mogħti lil-konjuġi jew sieħeb superstiti tal-mejjet sakemm dan il-konjuġi jerġa’ jiżżewweġ jew is-sieħeb jidħol f’unjoni oħra ta’ status ekwivalenti skont l-Att dwar l-Unjoni Ċivili, jew jilħaq l-età pensjonabbli; jew fin-nuqqas ta’ konjuġi jew sieħeb eliġibbli, it-tifel jew it-tfal tal-mejjet sakemm dak it-tifel jew tfal jilħaq l-età ta’ 18-il sena jew sakemm dak it-tifel jew tfal jilħaq l-età ta’ 23 sena jekk jattendu istituzzjoni edukattiva full-time. Il-ħlas tal-pensjoni mogħti lit-tifel jew lit-tfal għandu jinqasam b’mod ugwali.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home