Wied is-Sewda…żona mimlija siringi u oġġetti relatati ma' abbuż ta' droga
Żona f'Wied is-Sewda, wied li jinsab bejn Ħaż-Żebbuġ u Ħ'Attard kienet karatterizzata minn għadd kbir ta' siringi u oġġetti relatati mat-teħid ta' droga. Persuni li jmorru għall-passiġġati fl-inħawi kienu lmentaw dwar dan u l-ilmenti anki twasslu għand il-kunsill lokali ta' Ħaż-Żebbuġ. Fl-aħħar jiem ittieħdet azzjoni mid-Direttorat tat-Tindif u s-siringi inġabru. Jidher li se ssir aktar sorveljanza mill-forzi tal-ordni fiż-żona. Persuna li spiss tkun fl-inħawi għal mixjiet f'kumment li tatna qaltilna li "jiddispjaċini imma f'żona partikolari tant ikun hemm siringi li trid toqgħod attent fejn tirfes. Naf li saru rapporti mal-awtoritajiet konċernati. Nittamaw li jkun hawn sorveljanza għax fil-post jiġu għadd ta' persuni jimxu".Is-Sindku Sarah Agius f'kumment li għaddiet qalet li "wasal rapport għand il-kunsill lokali. Billi l-widien ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali ktibna lid-Dipartiment tat-Tindif biex tittieħed azzjoni. Sar intervent b'mod immedjat. Għamilna rapport lill-Pulizija fejn issa ħadu l-każ f'idejhom għal aktar sorveljanza fiż-żona."
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home