Wednesday, January 6, 2016

Nilqgħu l-multikulturaliżmu imma... - Fr Michael Attard

Omelija li saret fil-Knisja Parrokkjali ta' San Pawl il-Baħar, jidher li darrset lil diversi persuni u dan hekk kif tqajjem il-punt li ħaddiema soċjali ilmentat mal-parroċċa li fl-Iskola ta' San Pawl il-Baħar kien qed ikun hemm problema b'xi ġenituri ta' tfal li huma Musulmani u li bdew jiddejqu li tfal oħra qed ikollhom ħobż bil-perżut. 
inewsmalta.com għamel kuntatt mal-Kappillan ta' San Pawl il-Baħar Michael Attard fejn hu qalilna li "ridt inwassal messaġġ imma jista' jkun li nftehem ħażin. Għandna tfal Musulmani li jiġu l-quddies. Imma hemm oħrajn, skont kif qaltli ħaddiema soċjali, li qed isibu problema li tfal oħra jkollhom ħobż bil-perżut.  Il-messaġġ tiegħi hu li nilqgħu l-multikulturaliżmu imma kulħadd għandu jirrispetta d-drawwiet ta' xulxin. Hemm bżonn edukazzjoni ukoll dwar dan ir-rigward".
Ovvjament malajr kien hemm min beda jxerridha li tfal musulmani kienu qed jheddu tfal Maltin, bil-Kappillan jgħidilna li hu ma semmiex theddid iżda qal li hemm problema fuq il-kwistjoni tal-perżut.
Meta kuntattjajna lill-Kappillan ta' San Pawl il-Baħar ikkonferma li l-kwistjoni tal-perżut tqajmet fl-omelija iżda qalilna li "naħseb li l-messaġġ inftehem ħażin. Ma ssemmiex theddid u jien għidt li hemm tfal ta' musulmani u ġenituri li qed isibu problema li tfal oħra jkollhom ħobż bil-perżut. Dan flimkien ma' problemi oħra. Biss irrid ngħid li mhux minn kulħadd għax hemm tfal ta' Musulmani li anki jiġu l-quddies.  Il-messaġġ tagħna hu li nilqgħu l-multikulturaliżmu imma naħseb li għandna nirrispettaw id-drawwiet ta' xulxin."
Fil-breakfast club...il-perżut mhux aċċettat fuq kwistjoni ta' saħħa
Intant tkellimna ma' diversi edukaturi dwar din il-kwistjoni fosthom għalliema li hi midħla tal-iskola ta' San Pawl il-Baħar. Hi qaltilna li "ifhem mhix sorpriża li jkun hemm xi ħadd li jilmenta għax tfal kellhom il-perżut. Fejn ngħallem jien, ikun hemm ħafna ilmenti min ġenituri minħabba li tfal oħra idaħħlu xi prodotti li huma meqjusin ħlewwiet. Kellna anke min jilmenta għax daħħlu soft drinks bl-argument ikun li huma lit-tfal ituhom ilma u ma jridux ituhom soft drinks minħabba ż-żokkor.  Naħseb li wasal iż-żmien li dwar dawn il-kwistjoni il-ġenituri jibdew jiġu infurmati fil-bidu tas-sena u jkun hemm linji gwida ċari."
Għalliema oħra li tkellmet magħna qalilna li "m'iniex konxja li kien hemm din it-tip ta' probelma fl-iskola ta' San Pawl il-Baħar. Jekk hemm din il-problema żgur li ġejja minn xi nukleu żgħir ta' ġenituri. Li nista' ngħid fuq il-perżut fl-iskejjel hu li dan ma jistax jiddaħħal fil-breakfast club minħabba raġunijiet marbutin ma' saħħa."

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home