Tuesday, January 5, 2016





Il-Fortizza ta' Delimara tistenna u tittama


"Naħseb li wasal iż-żmien li issa Heritage Malta tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq il-Fortizza ta' Delimara. Kulħadd jaf li din tinsab fi stat tal-biki. Telqa kbira  u kull min kellu x-xorti jidħol ġo fiha fl-aħħar jiem jista' jixhed dan. Kull meta tqajmet l-kwistjoni ta' restawr dejjem kien qed jingħad li Heritage Malta għaddejja b'restawr estensiv ta' Forti Sant' Anġlu u Forti Sant' Iermu u għalhekk fondi ma kienx hemm. Imma issa li dawn tlestew, nistennew li jibdew pjani biex dan il-fortizza tkun restawrata. Għall-inqas, dan kien ġie espress ukoll mill-eks Ministru tat-Turiżmu Karmenu Vella madwar sentejn ilu".
Dan sostnieh magħna Xlukkajr li hu midħla sew tal-post u taż-żona, li hi magħrufa ukoll għall-ġmiel naturali tagħha. Ta' min jgħid li fiż-żona hemm diversi batteriji oħra fosthom il-batterija ta' San Pawl.
Sorsi qrib il-Kunsill Lokali ta' Marsaxlokk qalulna li hi xewqa tal-kunsill li dan is-sit ikun restawrat, għalkemm żiedu jgħidu li s-sit jinsab f''idejn Heritage Malta.
"Is-sit hu f'idejn l-awtoritajiet kompetenti. Jiġifieri m'hemmx problemi bħal fortizzi oħra li fihom għad hemm xi persuni. F'din m'hemm ħadd. Li jridu jagħmlu hu li jinġabu fondi. Għandha ħsarat strutturali kbar u jekk se titħalla mitluqa, jikber ir-riskju li din tintilef, l-aktar minħabba l-moviment tal-blat fuq in-naħa ta' wara. Nittamaw li finalment tkun restawrata", qalilna l-istess sors, fejn ma naqasx li jgħidilna li lil kull min tkellem jgħidlek li "qiegħda fi stat tal-biki".
Dwar dan il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici, kien qal li, "Il-Fortizza ta’ Delimara tagħmel parti mir-responsabbiltajiet ta’ Heritage Malta. Irrid ngħid li dan is-sit, minkejja li l-Heritage Malta qed tagħmel dak kollu li hu possibbli fejn tidħol iż-żamma tiegħu, żgur ma jinsabx f’sitwazzjoni ideali. Għandha ssir diskussjoni serja u oġġettiva biex wieħed jasal għal soluzzjonijiet li jagħmlu sens."
Irid jingħad ukoll li lejn l-aħħar tas-sena 2013, l-eks Ministru għat-Turiżmu, Karmenu Vella, meta mistoqsi fil-Parlament kien qal li, "F'dan il-mument m’hemmx pjan immedjat ta’ restawr għal din il-Fortizza peress li l-fondi u r-riżorsi ta’ Heritage Malta qegħdin iffukati fuq il-Fortizzi ta’ Sant’Anġlu u Sant’Iermu. Meta dawn il-proġetti kbar ikunu qorbu li jitlestew, wieħed ikun jista’ jiffoka iżjed fuq il-Fortizza ta’ Delimara."

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home