Saturday, January 2, 2016

‘Ma nħoloqx aċċess sigur għall-immigranti u dan qed jagħti saħħa lit-traffikanti’ - Corina Tulbure

Is-sena 2015 se tibqa' mfakkra għall-ammont rekord ta' imwiet ta' immigranti fil-Mediterran. Matulha mietu medja ta' 10 persuni kuljum. B'kollox 3,770 persuna sabu qabarhom fil-Mediterran. April kien l-aktar xahar li fih mietu persuni li jkunu qed ifittxu futur fl-Ewropa, b'1,250 persuna.  Dakinhar seħħet waħda mill-akbar traġedji  fil-Mediterran b'għarqa ta' 800 persuna.  Jekk wieħed jieħu l-imwiet ta' immigranti madwar id-dinja isib li mietu 5,350 persuna.  Quddiem dawn it-traġedji, smajna għadd ta' dikjarazzjonijiet minn politiċi u anke mill-Unjoni Ewropea dwar kif għandha tiġi trattata din il-kwistjoni.  Minkejja dak li ntqal, sa issa baqa' ma nħoloqx aċċess sigur għall-immigranti lejn l-Ewropa. Tkellimna ma' Corina Tulbure, ġurnalista li ssegwi mill-qrib l-aspett tal-immigrazzjoni.
Fi kliemha stess hi sostniet li "l-Unjoni Ewropea ma ħolqot ebda passaġġ siġur għall-immigranti. B'dan il-mod din qed tagħti saħħa lit-traffikanti.  Bla dubju ta' xejn din m'hix xi politika dikjarata tal-Unjoni Ewropea, imma r-riżultat hu li t-traffikanti qed jagħmlu ħafna flus minn fuq it-tbatija u s-sofferenzi tan-nies.  Ma tistax tiġġieled it-traffikanti mingħajr soluzzjoni għal persuni li qed jieħdu l-offerti li jsirulhom mit-traffikanti".
Corina tmur lil hinn minn dan u tgħid li "llum qegħdin f'sitwazzjoni fejn biex persuni tapplika għall-ażil din trid tkun fuq art Ewropea. M'għadux aktar possibbli li titlob għall-ażil f'ambaxxati Ewropej f'pajjiżi li jinsabu mal-fruntieri ta' fejn hemm il-gwerer jew kunflitt. Spanja kienet wieħed mill-aħħar pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li neħħiet din il-possibilità". 
Tkompli tgħid li "minkejja li l-imwiet ta' immigranti spiċċaw imlew l-ewwel faċċati tal-gazzetti, xorta waħda m'hemm ebda passaġġ legali u sigur biex dawn jidħlu fl-Ewropa. L-Ungerija bniet ħajt u l-pajjiżi li huma fis-Schengen, ħabbru li se jagħlqu l-fruntieri tagħhom.  B'riżultat ta' dan, ir-refuġjati jistgħu jidħlu biss fl-Ewropa billi jagħmlu kuntatt ma' traffikanti u jieħdu l-offerti tagħhom. Dan iwassalhom biex ikollhom jaqbdu vjaġġi riskju bil-baħar. Jekk l-Istati Ewropej mhux se jibdlu l-politika ta' ażil tagħhom  u mhux se jiftħu passaġġi legali u umanitarji għall-immigranti, ir-riżultat se jkun li se jkomplu jitfgħu aktar nies f'rotot ta' suwiċidju, waqt li jkollhom jaqsmu r-responsabbilità għal dawk l-istess imwiet".
Corina tgħid li "hu stmat li l-immigranti nefqu xejn inqas minn €250 miljun fi ħlasijiet għat-traffikanti, waqt li l-Unjoni Ewropea nefqet biljuni ta' Ewro fuq il-fruntieri. Biss biss il-ħajt li nbena fl-Ungerija ġie jiswa €100 miljun".
Hi tiddikjara li "bil-politika li l-Unjoni Ewropea għadha llum fuq l-ażil, din qed tikser id-dritt tal-ażil li hi stess kienet iddikjarat, waqt li tikkriminalizza lil dawk li jistgħu jkunu refuġjati billi ssejħilhom 'immigranti illegali" jew bi kliem bħal "il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali".  B'din 'il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali', kull persuna li tgħin immigranti biex jidħlu f'pajjiż Ewropew, anki jekk  il-ħajja tal-immigrant tkun f'periklu, dan jista' jiġi akkużat bi traffikar ta' immigranti. Din hi xhieda ċara tal-kriminalizazzjoni tal-liġijiet ta' migrazzjoni eżistenti". 
Tisħaq li "bir-rifjut tal-Unjoni Ewropea li toħloq passaġġ sigur, din qed toħloq suq għat-traffikanti. Illum hemm min qed jitkellem fuq l-industrija illegali. Dan hu suq li sar legali iffinanzjat mit-taxxi tal-popli Ewropej fosthom b'deportazzjonijiet u detenzjoni fost oħrajn. Id-detenzjoni, hi agħar minn ħabs u fihom jinżammu dawk li qed jiġu kkunsidrati 'illegali fl-Ewropa" - li jfisser li għandhom inqas drittijiet legali. Jekk mhux se tinbidel il-politika ta' migrazzjoni, il-kombinazzjoni ta' merħba lir-refuġjati flimkien mal-ġlieda kontra t-traffikanti se jipproduċu  aktar vjolenza indirizzata lejn l-immigranti u żieda fid-dħul finanzjarju għat-traffikanti, kumpaniji tal-ajru minħabba r-ripatrijazzjonijiet, u baġit għad-detenzjoni."
Intant id-Direttur Ġenerali tal-Organizazzjoni Internazzjonali tal-Immigrazzjoni (IOM), William Lacy Swing, iddeskriva din is-sena rekord fl-imwiet bħala "xokkanti".
 

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home