Ipoteżi li l-prezz taż-żejt jonqos bi $15 il-barmil fl-2016
Huwa mistenni li l-Iran, pajjiż bir-raba’ l-ikbar riserva dinjija taż-żejt, ikollu nofs miljun barmil iżjed kull jum fis-swieq internazzjonali matul is-sena id-dieħla. Dan wara li tneħħew is-sanzjonijiet kontra l-esportazzjoni taż-żejt mill-Istati Uniti u pajjiżi oħrajn fil-poter tal-Punent.
B’rabta ma’ din id-deċiżjoni, rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) jgħid li matul is-sena d-dieħla, l-prezz taż-żejt jista’ jinżel bi $15-il barmil. Dan it-tnaqqis iżda huwa biss ipoteżi għalkemm aħbar li l-prezz taż-żejt jinżel tinżel tajjeb mal-konsumaturi. Lil’hinn min dan, l-ekonomisti huma aktar kawti. Il-ġurnal L-ORIZZONT quddiem dak li jgħid ir-rapport tal-IMF tkellem ma’ ekonomisti f’Malta. Waqt li uħud iddeskrivew ir-roħs fil-prezz taż-żejt bħala pożittiv għal pajjiżna, oħrajn jippreferu li dan jibqa’ stabbli. Irid jingħad li Malta għandha ftehim ta’ hedging sa Marzu 2016.
'Aħjar stabbli u la jitla’ u lanqas jinżel' - Karm Farrugia
L-ekonomista Karm Farrugia f’kummenti argumenta li jinħtieġ stabbilità fil-prezz taż-żejt. Huwa spjega li ż-żejt huwa l-iktar ħaġa sensittiva fil-minerali kollha li jipproduċu d-dinja. “Wieħed mill-fatturi importanti fi kwalunkwe proċess ekonomiku hija l-istabbilità. L-aħjar ħaġa hi li l-prezz taż-żejt la jitla u lanqas jinżel. Dan il-Gvern qed jirnexxielu jħalli l-prezz stabbli. Jinħtieġ stabbilità fil-prezz.”
Tal-pompi tal-petrol pożittivi għal tnaqqis fil-prezz taż-żejt
Min-naħa tiegħu, Carlo Cini, ir-rappreżentant tal-pompi tal-petrol f’Malta, meta ġie kkuntattjat sostna li jekk il-prezz taż-żejt ikun baxx, dan jista’ jaffettwa lil Malta pożittivament. Dan għaliex in-nies ikunu jistgħu jaffordjawh aktar.
Cini żied jgħidilna li l-aħħar żieda fil-prezz tal-fjuwil saret tliet snin ilu, taħt amministrazzjoni preċedenti.
'Ma nemminx li l-prezz taż-żejt se jinżel bi $15-il barmil' - Silvio Schembri
L-ekonomista u Deputat Laburista Silvio Schembri, meta mitlub
jikkummenta dwar ir-rapport tal-IMF, waqt li qalilna li ma jemminx li
l-prezz taż-żejt se jinżel bi $15-il barmil, spjega li xi ħaġa simili
tiddependi minn liema angolu taraha. Enfasizza li "ovvjament meta jonqos
il-prezz taż-żejt hemm elementi pożittivi. Biss jekk qed nitkellmu fuq
hedging, it-tnaqqis mhux se jaffettwa daqshekk fl-immedjat. Qed
nitkellmu fuq xi ħaġa ipotetika, biss jekk tkun tidher reali se twassal
biex ikollok hedging bi prezzijiet aktar baxxi.Quddiem dawn ir-rapporti hemm il-pożittiv u negattiv, skont kif taraha. Malta bħala pajjiż mhix produttur taż-żejt u għalhekk tnaqqis fil-prezz taż-żejt ikollu ħafna affarijiet pożittiva. Biss ikun hemm ukoll effetti negattivi, per eżemplu fuq l-enerġija alternattiva. Jekk il-prezz taż-żejt se jinżel għal livell redikoli indikati mill-IMF, se jkun vijabbli li tinvesti f'enerġija alternattiva?"
L-ekonomista Schembri qalilna li "pero biex ngħidu kollox ma naħsibx li eventwalment il-prezz taż-żejt se jinżel bi $15-il barmil. Qed nitkellmu fuq ipotesi u s-suq taż-żejt hu volatili ħafna. Pajjiżi li huma prodotturi taż-żejt għandhom kunflitti u gwerer u dan ukoll jaffettwa. Hemm il-fattur li jekk inti l-produtturi taż-żejt trid tara l-investiment li jrid isir biex jitħaffru bjar ġodda."
Sadanittant, aktar kmieni dan ix-xahar, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija ikkwotat iż-żieda fiż-żejt bħala fattur ewlieni fil-previżjonijiet tal-inventarji globali li jistgħu jitilgħu għal 300 miljun barmil fl-2016. Ir-rapport tal-IMF jgħid ukoll li l-esportazzjoni mill-Iran naqset b’madwar miljun barmil kull jum sa mis-sena 2011, qabel ma tpoġġew sanzjonijiet fuq l-esportazzjoni mill-Iran. Ix-xahar li għaddha biss l-Iran kellu maħżun madwar 36 miljun barmil żejt f’tankers offshore.
L-IMF sostna li, “jista’ jseħħ tnaqqis ulterjuri fil-prezzijiet taż-żejt meta tiżdied l-esportazzjoni mill-Iran.”
Il-ġurnal IB TIMES jiddeskrivi it-tnaqqis fil-prezz taż-żejt bħala, “sinjal tajjeb għall-konsumaturi fl-Istati Uniti”. “B’inċertezzi imminenti kbar fis-swieq taż-żejt u tal-gass is-sena d-dieħla, il-prezzijiet tal-fjuwil aktarx se jibqgħu baxxi u se jkunu ta’ benefiċċju għall-konsumaturi infushom.”
Il-ġurnal jgħid ukoll li l-prezzijiet tal-petrol għandhom tendenza li jsegwu d-direzzjoni taż-żejt mhux maħdum, peress li raffineriji taż-żejt tal-Istati Uniti jixtru miljuni ta’ bramel ta’ żejt kull jum.
L-Arabja Sawdija, wieħed mill-pajjiżi l-aktar li jipproduċi żejt fid-dinja, issenjala tnaqqis fil-baġits finanzjarji nhar it-Tnejn li ġej bħala parti mill-isforz usa tiegħu li jlaħħaq mal-prezzijiet mill-aktar baxxi taż-żejt f’aktar minn għaxar snin.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home