L-orfanatrofju fejn kulħadd għandu isem... u issa wkoll ritratt mal-ħajt
L-ewwel darba li rsaqt lejn dan l-orfantrofju hekk kif dħalt mill-bieb li jagħti għal bitħa kbira, ġejt milqugħ minn għadd kbir ta' tfal. Ta etajiet differenti. Issaħħru wara l-magna fotografika li kelli mdendla ma' għonqi. Jibdew jgħidulek biex teħdilhom ritratt. Allavolja jafu li dak ir-ritratt wisq probabbli qatt mhu se jispiċċa għandhom. Kienet l-għaxqa tagħhom tiġbdilhom ritratt u mbagħad jiġu ħdejk biex jaraw xi tkun ġbidt. Tfal li mhux kulħadd jaf li jeżistu. Hemm minnhom li m'għandhomx ċertifikat tat-twelid. Imma kollha maħbubin mis-sorijiet Maltin li jmexxu Kidane Mehret fil-kapitali Addis Ababa fl-Etjopja. Fuq kollox kollha għandhom isem li ħafna drabi jirrifletti l-festa tal-qaddis f'dak il-jum li huma jkunu daħlu fl-orfanatrofju. Pereżmpju Tinsaye hu l-isem ta' dawk li daħlu hemm fl-Għid il-Kbir.Imma dan il-Milied dawn it-tfal għall-ewwel darba mhux se jkollhom biss ir-rigali tas-soltu. Għall-ewwel darba kull tifel u tifla se jkollhom ritratt kbir imwaħħal fil-kurituri u t-taraġ tal-istess orfanatrofju. Dawn huma l-istess tfal li qatt ma raw ritratt stampat, aħseb u ara kemm għandhom ritratti tagħhom.
Quddiem dan, Tamara Lackey, fotografu li żaret l-orfanatrofju, tkellmet mas-sorijiet Maltin biex toħloq proġett u tiġbed ritratti tat-tfal kollha. Mhux hekk biss imma tiżviluppahom u tpoġġi ir-ritratti fl-istess orfanatrofju. B'hekk tkun l-ewwel darba li dawn it-tfal raw ritratt tagħhom stampat.
Wara li sar il-proġett, ħarġu għadd ta' punti pożittivi. Il-post li hu miżmum f'kundizzjoni tajba ħafna ma baqax jidher aktar bħala istituzzjoni iżda sar qisu ambjent ta' dar. L-istess tfal urew entużjażmu kbir għal din l-idea, fejn issa wiċċhom, l-espressjonijiet tagħhom u t-tbissima tagħhom qed tagħti dehra ġdida lil dan l-orfanatrofju. Tamara tiddikjara li "ridt nuri li dawn it-tfal għalkemm m'għandhomx familja, huma tfal li xorta għandhom valur kbir. Li xorta waħda hemm min iħobbhom u jaħseb fihom".
L-emozzjonijiet għal Tamara ma naqsux. Meta kuntattjajnieha, spjegat dak li għaddiet minnu fl-orfanatrofju mmexxi mis-sorijiet Maltin, sorijiet li minkejja x-xogħol kbir li jagħmlu ta' kuljum fis-silenzju ftit li xejn nisimgħu bihom f'pajjiżna.
Tamara tgħidilna li "jien mort darbtejn fl-orfanatrofju ta' Kidane Mehret. Sirt inħobb lil dawn it-tfal. It-tbissima tagħhom. Il-mod kif jgħannquk. L-espressjonijiet ta' wiċċhom. Ħadt gost ħafna niġbdilhom ir-ritratti. Issa ir-ritratti twaħħlulhom mal-ħajt u dawn se jkunu jistgħu jarawhom kuljum".
Nistaqsuha x'messaġġ trid twassal bil-fatt li ritratti tpoġġew fil-kurituri tal-orfanatrofju u tgħidilna li "irrid nuri lit-tfal li huma importanti ħafna. Irrid nurihom li huma għandhom valur. Li huma sinifikanti. Nistqarr li meta tkellimt mas-sorijiet Maltin, b'mod partikolari ma' Sr. Lutgarda, hi laqgħatha mill-ewwel għalkemm ma nafx jekk kinitx taf eżatt ta' x'se nkun qed nagħmel. Meta bdejt inwaħħal ir-ritratti kbar mal-ħitan, ir-reazzjoni mis-sorijiet kienet waħda ta' sodisfazzjon kbir. Sorijiet li qed jagħmlu ħafna xogħol u jien ridt nagħtihom xi ħaġa lura. Sorijiet li jaħdmu b'mod iebes ħafna kuljum. Ilhom snin jagħmlu dan. Hi xi ħaġa rimarkabbli kif dawn iddedikaw ħajjithom u taw l-imħabba kollha tagħhom lil dawn it-tfal".
Tamara tirrakkonta ukoll esperjenza waqt dan il-proġett li se tibqa' magħha tul ħajjitha. "Kien hemm tifel li ma tantx jara. Minkejja dan imma hu kien interessat ħafna fil-fotografija. Fil-ġimgħatejn li għamilt niġbed ir-ritratti lit-tfal hu kien ikun kontinwament miegħi u kien ikun irid jara ir-ritratti fuq il-magna. Kont nurih kif jiġbed ir-ritratti u kif irid jersaq ftit lura biex imbagħad nuri l-immaġini fuq il-kamera. Kelli ninnegozja miegħu li ma joqgħod jitlobni li jara kull ritratt li niġbed u għal dan nħallih jiġbed xi ftit ritratti ukoll. Aċċetta. Kienet esperjenza sabiħa. Bkejt meta urejt ir-ritratt kbir tiegħu ftit qabel ma twaħħal mal-ħajt".
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home