![]() | |||
Josette Busuttil, persuna li tghin lil dawk fil-bżonn |
Fil-jiem tal-Milied... bla ikel u jiddependu mill-karità
"Illum m'għandna xejn x'nieklu. Lanqas għandna biex nixtru l-mediċina. Jekk tistgħu għinuna. M'għandna xejn kważi, lanqas x'nixorbu." Dan hu każ ta' familja li regolarment qed tiġi megħjuna minn ħaddiema soċjali, imma mhux każ iżolat. Ninsabu ftit jiem biss bogħod mill-Milied, jiem li fihom jispikkaw l-ikliet u l-festini. Żmien li fih il-Fondazzjoni St Jeanne Antide qed ikollha talbiet regolari minn familji biex jingħataw l-ikel. Quddiem dawn it-talbiet, Josette Busuttil appellat biex min jista' jagħti donazzjonijiet ta' ikel peress li l-ħażniet li kellhom kważi spiċċaw minħabba ż-żieda fid-domanda.Iltqajna ma' Josette Busuttil fejn fil-ħin li qattajna magħha stajna nisimgħu b'widnejna t-talbiet ta' dawn il-familji, liema familji l-każijiet tagħhom diġà ġew assessjati minn ħaddiema soċjali. It-talbiet ma jaqtgħu xejn. Telefonati ta' qsim il-qalb. Nies imbikkmin fuq it-telefown jittallbu l-ikel. Persuni li litteralment jgħixu b'ġurnata b'ġurnata. Jieklu llum u jridu jaraw minn fejn se jġibu l-ikel għall-għada.
Lil Josette nistaqsuha fuq xi każijiet li qed jiġu megħjuna. Tgħidilna li, "Qed ikollna rekord ta' talbiet għall-ikel. Waħda mill-familji kienet qed tgħix ħajja normali. Ir-raġel weġġa' fuq ix-xogħol u spiċċa f'qiegħ ta' sodda. Il-mara mardet ukoll u t-tifla tagħhom kisret saqajha. Spiċċaw bla dħul ta' xejn. Lanqas x'jieklu ma kien qed ikollhom."
"Kellna każ iehor fejn il-missier marad serjament. Lill-omm qalulha biex toħroġ taħdem. Imma din ma tixtieqx toħroġ taħdem għax trid li tibqa' ma' żewġha biex tgħinu fil-bżonnijiet tiegħu. Qed jingħataw xi benefiċċji soċjali, imma dawn mhux biżżejjed. B'madwar €400, iridu jgħixu u jħallsu l-kera. Spiċċaw lanqas ikollhom qatra ikel."
Josette Busuttil tgħidilna wkoll li, "Qed immorru aħna nħabbtu l-bibien, għax ikun hemm min jistħi jersaq 'il quddiem. Jiddispjaċini ngħid li f'Birżebbuġa sar hemm problemi soċjali kbar. Qed narawhom ta' kuljum. Familji mċaħħdin minn affarijiet bażiċi u bla dħul. Dawn huma każijiet li narawhom b'ħaddiema soċjali.
"Qegħdin fi żmien fejn bħalissa minn ħafna djar ħierġa riħa taqsam ta' ikel bnin. Imma aħna daħlulna każijiet fejn nies m'għandom xejn x'jieklu. Għandna tliet każijiet urġenti fejn omm tgħidilna li binha qed jisma' lil sħabu jitkellmu dwar ir-rigali li qalgħu. Imma hu jgħix ġo kamra waħda flimkien ma' ommu. Bilkemm għandha biċċa ħobż x'tagħtih. Nafu r-raġunijiet imma minħabba ċirkustanzi biex tieħu ċenteżmu jieħu proċess twil."
U meta qegħdin f'dawn il-jiem ta' festi, ir-realtà hi li dawn il-familji li qed jiddependu mill-karità jibżgħu jixirfu barra. Josette Busuttil tikkummenta dwar dan ukoll li tgħid li, "Dan hu żmien fejn suppost kulħadd jifraħ imma hawn nies ġo djarhom li qed jagħlqu widnejhom għax imsieken ma jifilħu jaraw xejn. Kważi ma jridux joħorġu 'l uliedhom mid-dar minħabba l-ferħ ta' barra mqabbel mad-dwejjaq tagħhom. Fejn barra huwa mdawwal, id-dar tagħhom hi fid-dlam għax għal raġuni li jafuha persuni inkarigati m'għandhomx dawl. Hemm wisq problemi biex jinxtraw affarijiet materjali u bil-ħidma tal-missier mhumiex ilaħħqu ma' spejjeż kbar. Hemm tfal bilkemm qed jieklu."
Josette ma naqsitx li tagħmel l-appell tagħhom. "Għandna bżonn ikel biex nagħtu lil dawn in-nies. Ma rridux flus. Dawn ikel iridu. Min jista' jagħtina għajnuna f'dan is-sens hi impprezzabbli. Min irid jista' jagħmel kuntatt miegħi fuq 9811 2532 jew anke jġib l-ikel il-kunsill lokali ta' Birżebbuġa."
Minn L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home