Nibża' li Patricia Scotland se tkun imblukkata fuq id-drittijiet għall-gays
- Peter Tatchell
Wara li s-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Commonwealth, Patricia Scotland, iddikjarat li "aħna ilkoll aħwa" u li "id-DNA tagħna hi 99.9 fil-mija identika ġejjin minn fejn ġejjin", u li se tkun qed tagħmel sforz dwar id-drittijiet tal-gays f'għadd ta' pajjiżi tal-Commonwealth fejn li tkun gay hu meqjus reat kriminali, id-Direttur ta' Peter Tatchell Foundation irreaġixxa għal dan.
Din il-fondazzjoni kienet waħda mill-organizzazzjonijiet li qabel beda
s-summit organizzaw protesta quddiem il-kwartieri tal-Commonwealth
f'Londra, fejn intqal li 40 minn 53 Stat tal-Commonwealth iqisu bħala
reat li persuna tkun gay. F'dik il-protesta dwiet l-għajta ta' 'istħu'.
Peter Tatchell fil-kummenti tiegħu qalilna li "l-Commonwealth
irrifjutat li tiddiskuti d-drittijiet tal-gays. Ilha tagħmel dan għal
aktar minn sittin sena. Xi wħud mill-mexxejja tal-Istati
tal-Commonwealth huma omofobiċi, u ħafna partiti politiċi u
organizazzjonijiet reliġjużi fl-Istati membri huma ostili
għall-ugwaljanza u drittijiet għal persuni gay. Din mhix skuża biex
is-summit tal-Commonwealth ma jiddiskutix din il-materja".
Dwar dak li qalet is-Segretarju l-ġdid tal-Commonwealth, hu qalilna li
"ninsab ċert li Patricia Scotland trid li tintemm id-diskriminazzjoni
kontra persuni gay fil-pajjiżi tal-Commonwealth. Jien nibża' imma li
l-mexxejja ta' ħafna Stati membri se jimblukkawha. Din il-kariga tfisser
li tkun amminstratur tas-Segretarjat tal-Commonwealth. Din m'għandhiex
poter biex tisforza Stati membri jew tippenalizzahom. Patricia Scotland
tista' tieħu l-impenn billi pubblikament tappoġġja ugwaljanza u
drittijiet għall-persuni gay. Nissuspetta imma li hi ma tridx li jsir
dan".
minn L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home