Kważi 63,000 tfal waħedhom ħarbu lejn l-Ewropa din is-sena
Konverżazzjonijiet ma' persuni li jaħdmu ta' kuljum f'żoni meqjusin bħala "hot spots għall-immigranti", jgħidulek kemm huma mħassbin dwar l-ammont kbir ta' tfal u minuri mhux akkumpanjati. Jispjegaw kif żdiedu sew fl-aħħar xhur. Is-sitwazzjoni jidher li qed tħasseb ukoll lil għadd ta' uffiċjali fi ħdan l-Uffiċċju ta' Appoġġ Ewropew għall-Ażil (EASO) fejn ilbieraħ waqt laqgħa li organizzaw għal persuni li jaħdmu qrib l-immigranti fil-pajjiżi Ewropew taw rendikont ta' kif qed tiżviluppa s-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni lejn l-Ewropa. Minn preżentazzjoni li saret tal-informazzjoni li għadha kif inġabret, ħareġ li bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena kien hemm 62,452 minuri mhux akkumpanjati li ppruvaw jidħlu fl-Ewropa. Mill-istudju li sar jirriżulta li l-akbar ammont ta' minuri mhux akkumpanjati ġejjin mill-Afganistan fejn immigrant minn kull erbgħa li qed jidħlu fl-Ewropa hu minuri mhux akkumpanjati.Minuri mhux akkumpanjati Sirjani huma ħafna inqas bħala persentaġġ, imma dan xorta wassal għal ammont kbir ta' tfal li jinsabu mal-fruntieri Ewropej u dan minħabba l-ammont kbir ta' Sirjani li qed jippruvaw jidħlu fl-Ewropa. Dan ifisser li hu kważi tlett darbiet l-ammont li kien hemm f'Ottubru tas-sena 2014, meta dakinhar l-ammont kien ta' 22,120 immigrant.
Malta sa issa għadha ma ħaditx immigranti mill-Italja u l-Greċja
L-istudju li sar tħejja minn Timothy Cooper, analista tal-informazzjoni u dokumentazzjoni tal-EASO. Minn dak preżentat ħareġ li fejn jidħlu l-immigranti rilokati mill-Italja u mill-Greċja li dwarhom kien hemm qbil fuq livell Ewropew, għad hemm diversi ostakoli. Filfatt ammont biss żgħir ta' immigranti ġew rilokati u kienu biss sitt pajjiżi li ħaduhom. Ġew rilokati 118 immigrant li kienu fl-Italja u 30 immigrant mill-Greċja. Malta mhix fost il-pajjiżi li ħadu minn dawn l-immigranti, fejn dawk li ħaduhom kienu Spanja, Franza, l-Isvezja, l-Ġermanja, l-Finlandja u l-Lussemburgu.
Żieda f'immigranti mill-Balkani li qed jippruvaw jidħu fl-Ewropa
Jirriżulta ukoll li waqt li din is-sena t-talbiet għall-protezzjoni qabżu l-miljun applikazzjoni, jirriżulta li l-akbar talbiet għall-protezzjoni ġejjin minn persuni Sirjani b'26 fil-mija. Wara jiġu persuni li ġejjin minn pajjiżi fil-Balkani b'persentaġġ ta' 17 fil-mija. Warajhom jiġu dawk mill-Afganistant.
Il-persuni mill-Balkani li l-aktar li qed jippruvaw jidħlu fl-Ewropa huma dawk mill-Albanija, Maċedonja u s-Serbja.
Petizzjoni kontra karikatura fid-Daily Mail… imsejħa bħala li tixbah karikatura Nażista
Intant fost għadd kbir ta' għaqdiet li jaħdmu qrib l-immigranti qed titmexxa petizzjoni kontra karikatura li dehret fid-Daily Mail u li fiha l-immigranti ġew impinġijin bħala ġrieden. Il-petizzjoni tgħid li "miljuni ta' nies qed jaħarbu mil-brutalità ta' reġimi oppressivi. Quddiem dan id-Daily Mail pinġiet dawn il-persuni bħala ġrieden. Diffiċli biex temmen dan imma din hi vera. Il-karikatura mhux biss tpinġi lir-refuġjati Sirjani bħala ġrieden, iżda ġġib wieħed minnhom qed iġorr azzarin. Din hi karikatura li tixbaħ ħafna lil karikatura ta' żmien in-Nażi, li ġiet pubblikata fl-1939 fir-rigward tal-Lhud. M'hemmx skuża għal din il-mibgħeda u karikatura inumana. Qed nitolbu apoloġija" tgħid il-petizzjoni li ffirmaw aktar minm 60,000 persuna u li għandha l-mira li jkollha 75,000 firma.
Il-ftehim mat-Turkija… aktar ħitan fil-fruntieri
Dwar il-ftehim li ntlaħaq bejn it-Turkija u l-Unjoni Ewropea, huma diversi dawk li jaħdmu qrib għaqdiet tal-immigranti li sostew li dawk li kien hemm qbil dwaru mhu xejn għajr aktar bini ta' ħitan fil-fruntieri biex l-immigranti jinżammu l-bogħod mill-Ewropa. Waħda minn dawk preżenti, meta mitluba tikkummenta qaltilna li "rridu naraw il-ftehim sew imma minn dak li ħareġ sa issa komplew jinbnew il-ħitan. It-Turkija se tkun qed iżżomm l-immigranti bogħod mill-fruntiera Ewropea waqt li se tingħata fondi sostanzjali. Nistennew li għaqdiet li jaħdmu qrib l-immigranti se jsemmgħu leħinhom fuq dan il-ftehim".
Minn L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home