Monday, November 30, 2015



'Għedt lill-Prinċep jiġi d-dar... u laqa' l-istedina'

"Jien lill-familja rjali ilni ħafna nafhom. Konna nħitulhom il-ħwejjeġ u kienu jiġu jixtru mingħandna. Jien meta qaluli li kien ġej l-Imdina, peress li jien kunsilliera talbuni nimxi magħhom bħall-bqija tal-kunsilliera. Imma jien għandi 91 sena u saqajja ma jtunix għal mixi twil. Stennejt ħdejn il-Katidral u hemmhekk ilqajt lill-Prinċep Karlu u d-Dukessa ta' Cornwall. Kif rani, ġie fuqi mill-ewwel u jien għedtlu, 'Ara issa trid tiġi naqra sad-dar.' Ftit ħin wara ġie għandi." Dan sostnietu Jane Attard, li llum għandha 91 sena, f'kummenti li tatna dwar il-fatt li l-Prinċep Karlu daħal fil-ħanut tagħha (li qiegħed mad-dar) u minn hemm wieħed seta' jinnota li l-koppja rjali ma ħarġux idejhom vojta.
Staqsejna lil Jane Attard dwar dan u hi qaltilna li, "Jien ilni ħafna b'kuntatt mal-koppja rjali. Fis-snin sittin tgħidx kemm konna nbigħu lill-Principessa Anna. Il-Princep Karlu Wkoll kien xtara minn hawn meta kien ġie fl-1968. Dak li ħarġu bih minn hawn kien riġal tiegħi lilhom," enfasizzat Jane Attard.
Il-Prinċep Karlu kien xtara ċintorin u basket mill-ħanut ta' Jane xejn inqas minn 47 sena il. Din id-darba, kif daħal fil-ħanut tagħha, Jane irrimarkatlu li llum għandha 91 sena. Min-naħa tiegħu, l-Prinċep Karlu qalilha, "Jien għandi kważi sebgħin."
Hawnhekk spikka l-mument meta d-Dukessa ta' Cornwall, Camilla, bdiet iddur il-ħanut u għajnejha waqgħu fuq dvalji magħmulin bl-idejn. Hija daret lejn persuna li kien hemm ħdejha u qaltlu, "Kemm huma sbieħ!"
Kien hawn li l-familja Attard tat id-dvalji magħmulin bl-idejn lill-koppja rjali bħala rigal.
Jane Attard irrimarkatilna li, "Aħna konna nbigħu wkoll lil Sir David Checketts, li kien uffiċjal ta' unur tal-Prinċep. Għandi anki ittra mingħandu li fiha jgħidilna fuq il-kwalità għolja tal-oġġetti li nbigħu."
Il-Prinċep, li llum għandu 67 sena, u d-Dukessa ta' Cornwall għandha 68 sena, oriġinarjament 49 sena ilu ma xtarax mill-ħanut li daħal fih is-Sibt, iżda minn ħanut li kien f'post iehor fl-Imdina. "Jien kont l-ewwel waħda li ħloqt dawn it-tip ta' ħwienet fl-Imdina," qaltilna Jane Attard, waqt li rrimarkat li l-Prinċep Karlu u d-Dukessa ta' Cornwall ħadu gost ħafna għandha.
Minn L-ORIZZONT
 

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home