'Ma nistgħux inġagħluhom imma nippruvaw nipperswaduhom fuq drittijiet għall-gays'….
"Aħna kollha aħwa…..99.9 fil-mija
tad-DNA tagħna hu l-istess"
- is-Segretarju Ġenerali ġdid tal-Commonwealth
Fid-dawl ta' protesti li saru fl-aħħar sigħat mal-kwartieri tal-Commonwealth f'Londra dwar il-fatt li 40 minn 53 pajjiż membru tal-Commonwealth iqisu bħala reat kriminali li persuna tkun 'gay', is-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Commonwealth il-Baronessa Patricia Scotland meta mistoqsija minn L-ORIZZONT dwar dan qaltilna li "hemm iċ-Charter tal-Commonwealth dwar drittijiet fundamentali. L-Istati huma sovrani u ma nistgħux inġagħluhom. Imma rridu nitkellmu, u niddiskutu magħhom. Irridu nipperswaduhom biex jidħlu dawn id-drittijiet. Hu vjaġġ twil imma flimkien nistgħu nsibu soluzzjonijiet. Aħna kollha aħwa ġejjin minn fejn ġejjin u irrispettivament x'kulur aħna jew x'nemmu. 99.9 fil-mija tad-DNA tagħna hi l-istess. Hi biss 0.1 fil-mija li hi differenti."
Hi qalet ukoll li "“ejja nieħdu l-opportunità biex nibdu viżjoni ġdida. L-aħħar Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Kamalesh Sharma, ikkometta ruħu u enfasizza fuq il-libertà, id-drittijiet tal-bniedem. Qiegħda nittama li nkompli nimxi fuq il-passi tiegħu. Nixtieq li nerġa’ ndaħħal il-ġid fil-Commonwealth,” qalet fil-kummenti tagħha Patricia Scotland. Hija żiedet tgħid li tixtieq tara l-pajjiżi kollha tal-Commonwealth jaħdmu flimkien biex iċ-ċittadini kollha jkollhom l-opportunità li jaraw il-ħolm tagħhom isir realtà. Irridu. Għandna t-talent. X’se jżommna milli niksbu jekk ningħaqdu kollha flimkien?,” qalet is-Segretarja Ġenerali l-ġdida b’ton determinat.
Scotland intgħażlet bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid wara diversi sigħat intlaħaq ftehim mit-53 nazzjonalità biex Scotland tieħu l-kariga. Il-Prim Ministru Joseph Muscat f'konferenza stampa qal li wara diskussjonijiet kien hemm qbil unanimu fuq il-ħatra ta’ Scotland. Dwar it-terroriżmu qalet li dak li seħħ fi Franza ħalla lil kulħadd bla kliem iżda dak li ġara jagħti l-opportunità biex ningħaqdu u nirrispondu għal din it-theddida reali u perikoluża.
Unit għal kontra t-terroriżmu fiċ-CHOGM
…..dan se jkun diskuss dalgħodu
Kif mistenni it-terroriżmu u l-bidla fil-klima kienu fost it-temi li bdew jiġu diskussi fis-Summit tal-Kapijiet tal-Istati tal-Commonwealth, fejn wieħed mill-ewwel passi li se jittieħdu se jkun dak li jitwaqqaf unit li l-mira tiegħu se tkun dik li ssejħet 'il-pjaga' tat-terroriżmu. Ir-Renju Unit, diġa kkonferma li se jkun qed jagħti xejn inqas minn €5 miljuni fuq ħames snin biex jiffinanzja dan il-unit.
Ġurnalisti barranin jirrifjutaw
li jinżlu minn minibus
Grupp ta' ġurnalisti barranin spiċċaw xejn ma kellhom esperjenza sabiħa fi tmiem l-ewwel jum taċ-CHOGM u dan għax hekk kif ġew biex jitilqu minn Għajn Tuffieħa u jirritornaw lejn lukanda f'San Ġiljan, sabu li trasport li kellhom ma setax jeħodhom hemm u x-xufier qalilhom biex jinżlu fi triq li tagħti għax-Xemxija fi dlam ċappa. Il-ġurnalisti barranin li magħhom kien hemm tlett ġurnalisti ta' L-ORIZZONT irrifjutaw li jinżlu mill-minibus u nsistew li jittieħdu l-lukanda. Ix-xufier wara diversi telefonati jgħid li għandu ġurnalisti li ma jridux jinżlu mill-minibus, u bil-ġurnalisti barranin jgħidu li "din hi l-istorja tal-ġurnata", finalment ittieħdu lura lejn il-lukanda f'Għajn Tuffieħa fejn fit-triq kien hemm kowċ qed tistenna u kulħadd rikeb fiha.
Iċ-CHOGM f'Malta hu
'training camp' għas-summit ta' Pariġi
Minn naħa tiegħu, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Kanadiż, Stephane Dion, hekk kif wasal f'Malta, iddeskriva l-laqgħa tal-Kapijiet tal-Istati tal-Commonwealth f'Malta bħala 'kamp tat-taħriġ' għal laqgħa li se ssir il-ġimgħa d-dieħla minn Nazzjonijiet Uniti f'Pariġi dwar il-bidla fil-klima.
Il-mexxejja tal-Commonwealth laħqu ftehim biex jiffurmaw hub tat-tibdil fil-klima biex jiffaċilità l-aċċess għall-fondi minn stati żgħar. Il-Kanada wiegħdet li fil-ħames snin li ġejjin se tkun qiegħda tikkontribwixxi f’$2.5 biljun biex tgħin pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jikkumbattu t-tibdil fil-klima.
Waħda mit-temi ewlenin li se jkunu ġew trattati fil-Laqgħat ta’ bejn il-Mexxejja tal-Commonwealth (CHOGM) kienet it-tibdil fil-klima. Preżenti għal waħda mill-konferenzi kien hemm is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-Moon u għamel referenza għal COP 21, summit li se jitlaqqa’ fi Franza fil-jiem li ġejjin dwar it-tibdil fil-klima. Għalkemm ma tax indikazzjonijiet ta’ x’jista’ jkun l-eżodu minn dan is-summit, huwa esprima ottimiżmu li kulħadd għandu l-għan li jiġbed ħabel wieħed.
L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home