Tuesday, November 24, 2015

Marlene Farrugia u Joe Debono Grech jirtiraw kliemhom....
 
“Aggressjoni minn raġel, tintefa lura ma wiċċ il-mara...
...nistħi li jien parti mill-Parlament, dan tradiment”
-          Id-Deputata Indipendenti Marlene Farrugia

 
 
Id-Deputata Indipendenti Marlene Farrugia u d-Deputata Laburista Joe Debono Grech fis-seduta Parlamentari tal-bieraħ filgħaxija, irtiraw il-kliem li qalu fil-konfront ta’ xulxin fis-seduta ta’ nhar il-Ġimgħa. Kemm Farrugia kif ukoll Debono Grech irtirtaw dak li ntqal għalkemm id-Deputata Indipendenti Marlene Farrugia irrimarkat li xtaqet tispjega ruħha. Hi ngħatat ħin tagħmel dan wara intervent tal-Prim Ministru u ddikjarat li tħoss li ma dan ir-ruling qed jagħti eżempju ħażin lin-nisa msawwtin u dan għax dak il-kliem li qal Debono Grech hu kliem li jingħad lil nisa msawwtin.
Wara fuq is-sit soċjali tagħha Marlene Farrugia ikkummentat fuq dan ir-ruling u qalet li “ġejt insultata alxejn minn Joe Debono Grech. Is-Sedja li kienet f' idejn Luciano Busuttil ma pproteġitnix anzi kważi rajtha qed tieħu gost bit-tgħajjir lejja. Jien ipproteġejt lili nnifsi billi t-t-titlu li tani tajtulu lura. Mhux minnu li għajjartu korrott jew skadut. Għedtlu li fil-Kamra ma baqax lok għall-politka tas-sebgħinijiet u rrepetejt li old style politics m' għadx hemm postha. Hu heddidni li jiġi għalija u jifqgħani. Fil-Parlament ngħatajna ruling fejn theddida bħal dik tpoġġiet fl-istess keffa ma kliem li għedt jien biex niddefendi ruhi għal attakk sfrenat waqt li jien kont kwieta nsegwi d-diskors ta’ Marthese Portelli. Dan ir-Ruling jirrifletti mentalita fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż , fejn meta mara tiġi mhedda u titlob l-għajnuna ta' l-istituzzjoni biex tipproteġiha, tipprova tinstab skuża biex dik it-theddida serja tiġi ġustifikata , skużata u minsija minflok indirizzata u kkastigata kif mistħoqq f'pajjiż ċivilizzat fejn id-dinjita tal-bniedem, hu min hu jistħoqqilha ħarsien. Ilbarra minn din il-Kamra huma ħafna dawk in-nisa li raw l-ola istituzzjoni tal-pajjiż tatihom messaġġ li aggressjoni minn raġel fuq mara, anke aggressjoni assolutament mhux pprovokata, tintefa lura ma wiċċ il-mara, minflok tingħata ġustizzja. Għalhekk inqatlu bosta ommijiet fl-aħħar snin. Għax meta rrapurtaw aggressjoni, ittieħdet b-ċajt u passi ma ttiħdux biex tiġi protetta dik il-mara. Għalhekk snin ilu ttertqet Diane ta' Marsascala, Josette Scicluna quddiem bintha, l-Avukatessa Margaret Mifsud u ħafna ħafna oħrajn, li li kieku kien hawn ħarsien xieraq tad-drittijiet tal-mara mill-awtoritajiet, u ngħataw protezzjoni meta talbuha , kieku għadhom hawn igawdu l-uliedhom. Illum nistħi ngħid li jien parti minn din il-Kamra. Għaddejt minn ħafna xorti f'ħajti imma t-tradiment tal-lum huwa kbir wisq” qalet Marlene Farrugia.
Intant l-Ispeaker fir-ruling tiegħu qal li tkellem ma’ diversi deputati dwar l-inċidenti li nqala’ fis-seduta tal-Ġimgħa. Fir-ruling intqal li “Marlene Farrugia qalet li wara li hija kienet qiegħda bilqiegħda baxxuta, f’ħin minnho semgħet lil  Joe Debono Grech jgħid “purċinell inti” u ħaditha li kien qed jirreferi għaliha, b’tali mod li hija rrispondiet immedjatament lill-Joe Debono Grech, “agħlaq ħalqek, ja pulcinell.” Jidher li l-kelma “purċinell” qalitha mhux inqas minn erba’ jew ħames darbiet fil-konfront ta Joe Debono Grech. Farrugia qalet ukoll li semgħet lil Joe Debono Grech jgħidilha, “niġi għalik u nifqgħak”. Li ntqal dan id-diskors ġie konfermat minn Godfrey Farrugia, Whip tan-naħa tal-Gvern u li wkoll tkellem mas-Sedja. Godfrey Farrugia qal li huwa kien quddiem  Joe Debono Grech waqt il-ħin tal-inċident u li meta semgħu jgħid dak id-diskors lil Joe Debono Grech qallu: “Hekk ma tgħidilhiex għax jien nipproteġiha”.
Id-Deputat Indipendenti Farrugia qalet ukoll li lid-Deputat Laburista Debono Grech, qaltlu “Inti antik, oħroġ ’il barra”.   Id-Deputat Laburista Joe Debono Grech qal li waqt li kienet qiegħda titkellem id-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli, proprju lejn l-aħħar tad-diskors tagħha meta kienet qed tagħmel allegazzjoni fil-konfront tal-awtorità u tas-CEO tal-MEPA
huwa qal lid-Deputata Nazzjonalista Marthese Portelli: “Staqsi lili dwar
l-Ombudsman u ngħidlek!”.  Debono Grech żied jgħid li hekk kif qal hekk lid-Deputata Nazzjonalista Marthese Portelli huwa sema’ lid-Deputat Indipendenti Marlene Farrugia tgħidlu li huwa purċinell. Qal ukoll li sema’ lil Marlene Farrugia tgħidlu li huwa korrott u li meta sema’ hekk irrisponda: “hekk ma tgħidlix”. Ikkonferma wkoll li f’dak il-mument qal id-diskors: “Niġi ħdejk u nifqgħak” u li sema’ lil Godfrey Farrugia jgħid li kien se jipproteġiha.
Meta mistoqsi mis-Sedja id-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis qal li kif beda l-inċident huwa kien qiegħed barra l-Kamra jitkellem ma’ xi membri oħra taż-żewġ naħat tal-Kamra, u li x’ħin daħal sema’ lil Marlene Farrugia tgħid diversi kliem fil-konfront ta’ Joe Debono Grech fosthom il-kelma “purċinell” għal diversi drabi. Jidher li l-kelma “purċinell” intqalet għal aktar minn ħames darbiet. Sema’ wkoll lil Joe Debono Grech jgħid lil Marlene Farrugia: “Korrott lili ma tgħidlix. Ħadd ma jgħidli li jien korrott”. Agius Decelis qal ukoll li sema’ Marlene Farrugia tgħid lil Joe Debono Grech: “Il-politika ta’ żmienek spiċċat”.
Id-Deputata Laburista Deborah Schembri qalet li kienet eżattament fejn Joe Debono Grech u li waqt li Debono Grech kien qed jgħaddi xi rimarki fil-konfront u fuq dak li kienet qed tgħid
Marthese Portelli rat u semgħet lil Marlene Farrugia tuża’ l-kelma “purċinell”
diversi drabi fil-konfront ta’ Joe Debono Grech. Semgħet ukoll lil Marlene
Farrugia tgħid lil Debono Grech li huwa huwa “skadut” u semgħetha wkoll tuża l-kelma
“korrott”. Schembri qalet lis-Sedja li meta Debono Grech qal il-kliem “lili tridu
tgħidu x’għamel l-Ombudsman” hija kienet qiegħda tħares dirett lejn  Marlene Farrugia
meta ratha u semgħetha tgħajjar lil Debono Grech “purċinell”. Żiedet tgħid li kien
hawnhekk li Joe Debono Grech irreaġixxa billi qalilha: “Purċinell ma tgħidlix”, “Korrott
ma tgħidlix”, “Niġi ħdejk u nifqgħak”.
Is-Sejda qalet li “ tirrimarka li dan l-inċidenti ma jagħmel l-ebda ġieħ lill-Parlament tagħna u għalhekk, bħala miżura addizzjonali mal-istess ruling li tat l-istess Sedja f’Ġunju 2015, fejn għamlitha ċara li se tibda tapplika r-regoli tat-Taqsima IV tal-Ordnijiet Permanenti b’mod intier, issa se tara li meta jkun hemm inċidenti simili waħda mill-cameras li għandna fil-Parlament tmur mill-ewwel fuq il-membri li jkunu qed jużaw kliem dispreġjattiv fil-konfront ta’ xi membru, jew lejn il-Kamra, jew lejn is-Sedja. Dawn il-filmati jkunu biss għal skopijiet ta’ investigazzjoni tas-Sedja u ma jiġux imxandra. Għalhekk, is-Sedja qed tagħmilha ċara li, kemm biex tevita inċidenti simili fil-futur kif ukoll sabiex hija jkollha filmat ta’ tali inċidenti għal skopijiet ta’ investigazzjoni jekk meħtieġ, se tagħmel dawk l-arranġamenti meħtieġa sabiex ikun hemm filmat ta’ dak li jkun qedjiġri fil-Kamra kollha.”

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home