Thursday, November 19, 2015


Miżura li ngħatat importanza u ddaħħlet mal-miżuri li jridu jitwettqu sal-aħħar tas-sena d-dieħla...

Sal-aħħar tas-sena 2016……kampanji ta'
informazzjoni fuq il-periklu ta' vjaġġi lejn l-Ewropa


Mill-pjan ta' azzjoni li kien maqbul fil-Valletta Summit, qed jirriżulta li dikjarazzjoni dwar kampanji ta' informazzjoni fil-pajjiżi ta' oriġini, ta' transitu u anke fid-destinazzjonijiet finali fejn jaslu, għandhom jibdew sa' l-aħħar tas-sena d-dieħla.  Dawn il-kampanji ta' informazzjoni se jkollhom l-għan li jqajjmu kuxjenza  fost il-pubbliku inġenerali, persuni li jistgħu jkunu immigranti u fuq kollox vittmi fuq il-perikli marbutin mal-perikli u r-riskji tal-vjaġġi minn pajjiżi Afrikani lejn l-Ewropa.
Din il-parti, fid-dokument li kien tħejja u kien diskuss minn għadd ta' diplomatiċi ta' pajjiżi Ewropej u Afrikani fil-ġimgħat li għaddew, kien qed tissemma' biss fil-pjan ta' azzjoni imma wara s-summit f'Malta din il-parti spiċċat iddaħħlet bħala li għandha tkun parti mill-inizjattivi li jitwettqu sas-sena 2016.
L-istess dokument finali hu nieqes  minn dik li ssejħet bħala "Laissez Passer' - dokument tal-ivvjaġġar għal dawk bla dokumenti.  Fil-laqgħat ta' qabel is-summit, l-Ewropej jidher li kienu qed jagħfsu sew fuq dan il-pass, iżda fil-Valletta Summit jidher li kien hemm pajjiżi Afrikani li imblukkaw dan u filfatt din il-parti spiċċat tneħħiet mill-pjan ta' azzjoni.

NGO's inaqqsu x-xettiċiżmu…..oħrajn
jikkritikaw dak li rriżulta mis-summit
Kien hemm diversi għaqdiet non governattivi li jaħdmu mill-qrib mal-immigranti li wara dak dikjarat u bil-pjan ta' azzjoni naqsu x-xettiċiżmu tagħhom u rrimarkaw li issa mill-kliem iridu jgħaddu għall-implimentazzjoni.
Mill-banda l-oħra kien hemm organizazzjonijiet oħra li xorta baqgħu kritiċi fil-konfront tal-Ewropej, fosthom Oxfam International.  Hi qalet li dan is-summit għamel ftit wisq dwar drittijiet u dinjità tal-immigranti. Enfasizzaw li wara li nħarġet id-dikjarazzjoni hemm dubji kbar kif l-Ewropa se ttejjeb bil-fatti  il-ħajjiet tan-nies fl-Afrika. Qalet li waqt li l-mexxejja Ewropej u Afrikani ltaqgħu f'Malta, aktar nies għerqu fil-baħar u aktar pajjiżi fosthom is-Slovenja u l-Isvezja komplew iżidu l-kontrolli fil-fruntieri.
Oxfam ikkritikat bl-aħrax it-twaqqif tat-Trust Fund u qalet li dan qed joħloq ir-riskju li flus li kienu jmorru biex jgħinu persuni joħorġu mill-faqar, issa se jispiċċaw imorru biex jinħolqu kontrolli fil-fruntieri.
Oxfam wissiet ukoll li l-għajnuna lill-Afrikani m'għandhiex tkun marbuta ma' kundizzjonijiet.
Biss l-Oxfam tesprimi ukoll il-pożittiv li kien hemm u qalet li mis-summit ħarġu ħafna kliem sabiħ u issa l-mexxejja jridu jaraw li dak jitwettaq.
Il-pjan ta' azzjoni
Il-pjan ta' azzjoni li fih xejn inqas minn 17-il paġna jinkludi għadd ta' inizjattivi li huma marbutin li jiġu implimentati fi żmien partikolari.  Hemm xejn inqas minn ħames prijoritajiet ewlenin u 16-il inizjattiva li jridu jitwettqu sa' tmiem is-sena d-dieħla.
Jekk nieħdu l-ewwel prijorità wieħed jara li din titratta l-għajnuna Ewropea lill-pajjiżi Afrikani biex jiġu indirizzati l-kawzi prinċipali  tal-immigrazzjoni fosthom il-faqar,  is-sigurtà, nuqqas ta' żvilupp, gwerer u nuqqas ta' demokrazija. L-Ewropej intrabtu  li jniedu proġetti bl-għan li tiżdied l-attività ekonomika u impjiegi. Jirriżulta li hemm pjan biex jiġu ffaċilitati l-proċessi ta' kif immigranti Afrikani fl-Ewropa jgħaddu lura lejn pajjiżhom il-flus li huma stess ikunu qalgħu.  L-istess Ewropej intrabtu li jgħinu b'investiment f'setturi agrikoli.
Jekk wieħed jieħu t-tieni prijorità jara li din hi dwar metodi regolari u legali ta' migrazzjoni bejn pajjiżi Afrikani u Ewropej.  Dan se jwassal biex il-Boroż ta' Studju jirdoppja.  It-tielet prijorità hi t-tisħiħ tal-protezzjoni li tingħata lir-refuġjati u persuni oħra li jkunu telqu minn pajjiżhom. Prijorità oħra hi dik tal-ġlieda kontra t-traffikanti.
L-aħħar prijorità hi dik marbuta ma' aktar koperazzjoni għal ripatrijazzjoni  ta' immigranti lejn l-Afrika, liema immigranti ma jkunux jikkwalifikaw għall-ażil.   Jirriżulta li fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla għaxar pajjiżi Afrikani se jkunu mitluba jibagħtu lejn l-Ewropa uffiċjali minn tagħhom tal-immigrazzjoni biex jivverifikaw u jidentifikaw in-nazzjonalitajiet ta' immigranti irregolari u dan biex jintbagħtu lura. Din hi xi ħaġa volontarja. 
Ta' min jgħid li dan il-pjan ta' azzjoni se jiġi jiswa madwar €20 biljun apparti Trust Fund ta' €1.8 miljun.

Salvati 608 immigrant
fi ftit sigħat

Fil-lejl ta' bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa  ġew salvati xejn inqas minn 308 persuna. Dan meta ftit sigħat qabel kienu ġew salvati 99 immigrant.  Fil-każ li seħħ matul il-lejl kienet dgħajsa Spanjola li salvat xejn inqas minn 308 li kienu abbord fuq dgħajsa fi triqithom mil-Libja lejn l-Ewropa. Dawn l-immigranti kienu trasferiti abbord i-bastiment ta' Medecins Sans Frontieres (MSF) 'Dignity 1'.
Intant matul il-ġurnata tal-bieraħ il-bastiment ta' Medecins Sans Frontieres Argos salva żewġ dinghies li kienu mimlijin bl-immigranti.  L-ewwel dinghi kien fih 108 immigrant li kienu ġejjin mis-Senegal, Ivory Coast u l-Gambia. 
Fit-tieni salvataġġ  kienu salvati 93 persuna fosthom 31 mara.  Il-parti l-kbira minn dawn ġejjin minn Niġerja.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home